Dikjarazzjoni introduttorja minn Piero Cipollone, Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew
Brussell, 8 ta’ April 2025
Huwa privileġġ li ninsabu hawn illum biex inkomplu d-diskussjoni tagħna dwar l-euro diġitali.
Hemm ħafna argumenti konvinċenti favur l-introduzzjoni tal-euro diġitali, u fil-fehma tiegħi kollha jingħaqdu fi prinċipju fundamentali wieħed: it-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-Ewropa.
Illum nixtieq niddiskuti xi tfisser fil-prattika l-awtonomija strateġika fil-pagamenti ta’ kuljum, filwaqt li nħares kemm lejn ir-rwol ewlieni tal-flus kontanti kif ukoll lejn il-benefiċċji tal-euro diġitali.
Quddiem ambjent internazzjonali inqas prevedibbli, issa wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni konkreta.
Il-pagamenti bl-imnut qed isiru dejjem aktar diġitali.[1] Il-konsumaturi qed jagħżlu dejjem aktar li jużaw mezzi diġitali ta’ pagament fil-ħwienet, u qed jagħmlu wkoll dejjem aktar xiri online. Madankollu, sehem sinifikanti ta’ dawn it-tranżazzjonijiet jiddependi fuq fornituri mhux Ewropej. Illum, in-nies fi 13-il pajjiż taż-żona tal-euro jiddependu biss fuq skemi ta’ kards internazzjonali jew soluzzjonijiet fuq mobiles għall-pagamenti fil-ħwienet.[2] U anki fejn jeżistu skemi ta’ kards nazzjonali, dawn jiddependu fuq co-badging ma’ skemi ta’ kards internazzjonali sabiex jppermettu pagamenti transfruntiera fi ħdan iż-żona tal-euro. Fil-futur mhux daqshekk imbiegħed, dan jista’ jevolvi f’dipendenza fuq mezzi privati oħra ta’ ħlas, pereżempju stablecoins barranin.
Din id-dipendenza eċċessiva fuq fornituri barranin iddgħajjef ir-reżiljenza tagħna u tikkomprometti s-sovranità monetarja tagħna.[3] Tenfasizza wkoll il-ħtieġa urġenti għall-euro diġitali. In-nuqqas ta’ azzjoni mhux biss jesponina għal riskji sinifikanti, iżda jċaħħadna wkoll minn opportunità kbira.
Ir-rwol vitali tal-flus kontanti fl-iżgurar tal-inklużjoni finanzjarja u r-reżiljenza
Minkejja d-diġitalizzazzjoni rapida tal-pagamenti bl-imnut, il-flus kontanti jibqgħu l-pedament tas-sistema finanzjarja Ewropea u bħalissa huma l-uniku mezz ta’ pagament sovran tagħna.
Id-domanda qawwija kontinwa għall-flus kontanti[4] tenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li tibqa’ mezz ta’ pagament u ħażna ta’ valur konvenjenti, sigur u aċċettat universalment.
Il-flus kontanti jiżguraw l-inklużjoni finanzjarja, iżda għandhom ukoll rwol kruċjali fiż-żamma tar-reżiljenza tas-sistemi ta’ pagament u tal-ekonomiji tagħna. Fi żminijiet ta’ kriżi, pereżempju matul attakki ċibernetiċi jew fallimenti tal-enerġija, il-flus kontanti jipprovdu għażla ta’ riżerva affidabbli. Rajna dan ukoll matul id-diżastri naturali li affettwaw partijiet miż-żona tal-euro matul is-sena li għaddiet.
F'dan l-isfond, l-Eurosistema hija impenjata bis-sħiħ biex tiżgura li l-flus kontanti jibqgħu mezz ta' ħlas disponibbli u aċċettat b'mod wiesa' għal kulħadd fl-Ewropa. Implimentajna strateġija komprensiva dwar il-flus[5]kontanti , u qed infasslu mill-ġdid il-karti tal-flus tal-euro biex nagħmluhom tajbin għall-futur.
Barra minn hekk, il-BĊE jilqa' b'sodisfazzjon kbir ir-regolament propost li jirregola l-istatus ta' valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro. Kif spjegajna fl-opinjoni tagħna, ir-regolament għandu jipprojbixxi b’mod ċar l-esklużjonijiet unilaterali ex ante tal-flus kontanti mill-bejjiegħa bl-imnut jew mill-fornituri tas-servizzi. Għandu jiżgura wkoll li l-Istati Membri jżommu lis-settur bankarju responsabbli biex jipprovdi servizzi essenzjali ta’ flus kontanti kemm lill-klijenti privati kif ukoll lil dawk korporattivi, filwaqt li jiżgura aċċess tajjeb għall-faċilitajiet għall-ġbid u d-depożitu tal-flus kontanti tal-euro fiż-żona tal-euro kollha.[6]
Il-ħtieġa li tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Ewropa fil-pagamenti diġitali f’ambjent ġeopolitiku li qed jinbidel
Madankollu, irridu niżguraw ukoll li l-Ewropej ikollhom mezz diġitali ta’ ħlas sigur u affidabbli li jikkumplimenta l-flus kontanti u li jestendi l-benefiċċji ewlenin tagħhom fl-isfera diġitali. Il-preferenza dejjem akbar għall-pagamenti diġitali tfisser li l-aċċettazzjoni u d-disponibbiltà tal-flus kontanti ma għadhomx biżżejjed biex ikopru sehem dejjem akbar ta’ każijiet ta’ użu. Pereżempju, ix-xiri online jammonta għal aktar minn terz tat-tranżazzjonijiet tagħna bl-imnut, iżda l-flus kontanti ma jistgħux jintużaw online u spiss ma jkunx possibbli li nħallsu bl-użu ta’ servizz ta’ pagament Ewropew[7], li jfisser li jkollna niddependu fuq sistemi ta’ pagament mhux Ewropej. Din hija dgħufija strutturali li jeħtieġ li nindirizzaw.
L-Ewropa ma tistax taffordja li tiddependi b'mod eċċessiv fuq soluzzjonijiet ta’ ħlas barranin. Jekk nagħmlu hekk inkunu qed niddependu fuq it-tjubija tal-barranin f’kuntest ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi li qegħdin jiżdiedu. L-urġenza li nippreżervaw l-awtonomija tagħna fid-difiża u l-enerġija diġà hija estremament ċara. Iżda huwa daqstant urġenti li niżguraw l-awtonomija għal servizzi essenjali bħall-ħlasijiet ta’ kuljum. Mingħajrha, aħna vulnerabbli għat-theddid ġeopolitiku u nirriskjaw li nitilfu s-sovranità monetarja tagħna. L-iżviluppi internazzjonali reċenti jenfasizzaw dawn ir-riskji.
Sadanittant, id-dipendenza tagħna fuq fornituri ta’ pagamenti barranin iddgħajjef il-potenzjal ekonomiku tagħna u l-kapaċità tagħna li nikkompetu. Minħabba s-suq frammentat tal-pagamenti, il-fornituri Ewropej tas-servizzi tal-pagamenti spiss ma jkollhomx l-iskala biex joffru s-servizzi tagħhom madwar l-UE. Dan jagħti vantaġġ lill-fornituri mhux Ewropej li jistgħu joffru s-servizzi tagħhom fil-livell Ewropew, u anke fuq livell internazzjonali.
L-istruttura frammentata tas-suq tagħna tiġi wkoll bi prezz għoli. Iżda dan m’għandux għalfejn ikun hekk – għandna s-setgħa li niddeċiedu kemm għandu jkun unifikat is-suq tal-pagamenti tagħna.
Id-data turi li l-iskemi tal-kards domestiċi qed jitilfu s-sehem[8] mis-suq madwar l-Ewropa, filwaqt li l-iskemi internazzjonali jitolbu tariffi għoljin lill-banek u lin-negozjanti Ewropej.[9]
U l-popolarità dejjem tikber ta’ kartieri diġitali bħal PayPal jew Apple Pay qed tesponi lill-banek Ewropej għal aktar ħruġ ta' tariffi u data.
Dan l-aħħar, il-miżuri meħuda mill-Amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti biex tippromwovi l-kriptoassi u l-istablecoins appoġġati mid-dollaru Amerikan iqajmu tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja u l-awtonomija strateġika tal-Ewropa. Dawn jistgħu potenzjalment jirriżultaw mhux biss f’aktar telf ta’ tariffi u data, iżda wkoll f’li d-depożiti tal-euro jiġu trasferiti lejn l-Istati Uniti u f’aktar tisħiħ tar-rwol tad-dollaru fil-pagamenti transfruntiera. Fl-istess ħin, in-negozji privati huma dejjem aktar miftuħin biex jaċċettaw stablecoins għall-pagamenti tal-klijenti, li jista’ jkollhom implikazzjonijiet estensivi għas-sovranità monetarja.[10]
Quddiem dawn l-isfidi, neħtieġu sħubija pubblika-privata biex inżommu s-sovranità tagħna. L-euro diġitali – bħala mezz sovran Ewropew ta’ pagament ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE – ikun il-pedament ta’ din is-sħubija.
Dan jiżgura li ż-żona tal-euro żżomm kontroll fuq il-futur finanzjarju tagħha. Billi toffri għażla ta’ pagament diġitali sigura u aċċettata b’mod universali li tkun xierqa għall-każijiet kollha ta’ użu – u, b’mod kruċjali, taħt il-governanza Ewropea – din tnaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-fornituri barranin. U dan jillimita l-potenzjal li l-istablecoins tal-muniti barranin isiru mezz komuni ta' skambju fiż-żona tal-euro.[11]
L-euro diġitali jipprovdi lill-konsumaturi Ewropej b’għażla ta’ pagament diġitali sempliċi u sikura, mingħajr ħlas għal użu bażiku, li tkopri l-ħtiġijiet kollha ta’ pagament tagħhom kullimkien fiż-żona tal-euro filwaqt li tiżgura l-privatezza tagħhom.[12] Dan jipproteġi wkoll lin-negozjanti Ewropej minn tariffi eċċessivi imposti minn skemi internazzjonali tal-kards u jpoġġihom f’pożizzjoni aktar b’saħħitha biex jinnegozjaw it-tariffi ma’ dawn l-iskemi.[13]
Barra minn hekk, l-euro diġitali jista’ jintuża offline, u b’hekk il-pagamenti tagħna ta’ kuljum isiru aktar reżiljenti peress li kemm il-konsumaturi kif ukoll in-negozjanti xorta jkunu jistgħu jużaw l-euro diġitali mingħajr konnessjoni man-network.
U, b’mod importanti, l-euro diġitali għandu jippermetti lill-fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ pagament joperaw b’mod awtonomu mill-ġdid.[14] L-euro diġitali mhux se jikkompeti ma’ inizjattivi privati. Minflok, dan se jisfrutta s-sinerġiji u jippermetti li l-inizjattivi privati jespandu b’mod aktar faċli madwar l-UE. Dan jgħin biex jingħelbu l-ostakli li wasslu għall-frammentazzjoni attwali.
Eżempju wieħed ta’ dawn is-sinerġiji huwa li tiġi offruta soluzzjoni integrata li tippermetti lill-inizjattivi privati jipprovdu servizzi madwar iż-żona tal-euro u jkopru b’mod effettiv il-każijiet kollha ta’ użu bis-saħħa tal-istandards komuni tal-euro diġitali.
Dan ifisser li n-nies ma jkollhomx għalfejn ifittxu soluzzjonijiet alternattivi ta’ pagament barranin. Il-banek Ewropej ikunu jistgħu jżommu l-klijenti tagħhom u jiġu kkumpensati b’mod adegwat għas-servizzi tagħhom.
Id-dinja tal-pagamenti qed tinbidel malajr, u għalhekk huwa kruċjali li nimxu ’l quddiem bil-leġiżlazzjoni dwar l-euro diġitali issa.
Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ azzjoni qed isiru dejjem aktar evidenti. In-nuqqas ta' azzjoni jista' jwassal għal telf ta' kontroll fuq l-infrastruttura finanzjarja tagħna, dipendenza akbar fuq sistemi barranin u tfixkil potenzjali fis-sistemi bankarji u ta' kreditu tagħna. Id-dewmien tal-euro diġitali jnaqqas ir-ritmu tar-rispons pubbliku-privat kollettiv tagħna għal dawn ir-riskji. Iċ-ċittadini Ewropej qed jiddependu fuqna biex niżguraw l-opportunità tal-Ewropa li tixpruna l-bidla minflok ma toqgħod gallarija.
Il-proġett tal-euro diġitali miexi fit-triq it-tajba
Ippermettuli issa niffoka fuq il-progress tekniku tal-proġett tagħna.
Il-qafas legali huwa kruċjali fit-tiswir ta’ kif jopera l-euro diġitali, inkluż l-istatus tiegħu bħala valuta legali u kif tiġi protetta l-privatezza. B’mod parallel, il-proġett tal-euro diġitali qed jimxi ’l quddiem skont l-iskeda u qed noqorbu lejn tmiem il-fażi ta’ tħejjija.[15]
Flimkien mal-parteċipanti fis-suq qed naħdmu fuq il-ġabra ta’ regoli għall-euro diġitali – sett uniku ta’ regoli, standards u proċeduri għall-pagamenti bl-euro diġitali.[16] Qabel, intom staqsejtu dwar il-benefiċċji li euro diġitali se jkollu għas-settur privat. Din il-ġabra ta’ regoli se tippermetti lill-fornituri Ewropej tal-pagamenti jespandu s-servizzi tagħhom madwar iż-żona tal-euro billi jikkapitalizzaw fuq l-istandards miftuħa u l-istatus ta’ valuta legali tal-euro diġitali. Hekk kif il-leġiżlazzjoni tiġi adottata mill-koleġiżlaturi, dawn l-istandards jistgħu jiġu ffinalizzati u l-parteċipanti fis-suq jistgħu jużawhom, anke qabel il-ħruġ potenzjali tal-euro diġitali.[17] Dan jantiċipa l-benefiċċji kemm għan-negozjanti kif ukoll għall-konsumaturi. Aktar tard din il-ġimgħa se nippubblikaw aġġornament dwar il-progress li għamilna fl-iżvilupp tal-ġabra tar-regoli.
Huwa vitali li l-euro diġitali jiżgura l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja – smajna t-tħassib tiegħek dwar dan is-suġġett, u din hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħna. Kif semmejt l-aħħar darba li ltqajna, bħalissa qed niżviluppaw il-metodoloġija li tibni bażi analitika soda biex tiddetermina l-limitu diġitali taż-żamma tal-euro.[18] Din il-metodoloġija hija bbażata fuq it-tliet pilastri indikati fl-abbozz ta’ leġiżlazzjoni – l-użabbiltà, il-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja. Qed nibnu fuq il-feedback li rċevejna mill-partijiet ikkonċernati kollha tas-suq, u għandna l-għan li nippubblikaw ir-riżultati fis-sajf. Is-sejbiet preliminari diġà jindikaw li l-użu tal-euro diġitali għall-pagamenti ta’ kuljum mhux se jagħmel ħsara lill-istabbiltà finanzjarja, lis-superviżjoni bankarja jew lill-politika monetarja.
Dan l-isforz pubbliku-privat biex nerġgħu niksbu l-awtonomija tagħna fl-ispazju tal-pagamenti bl-imnut se jkun aktar probabbli li jirnexxi jekk irawwem ukoll l-innovazzjoni, kif semmejtu xi wħud minnkom qabel. Għalhekk, f’Ottubru li għadda ħriġna sejħa għal espressjonijiet ta’ interess fi sħubijiet għall-innovazzjoni għall-euro diġitali.[19] L-għan ewlieni huwa li jsiru esperimenti b’pagamenti kundizzjonali u każijiet oħra ta’ użu innovattiv. Pereżempju, qed nesploraw il-possibbiltà li n-nies jitħallew iħallsu biss jekk jiġi pprovdut servizz partikolari, u b’hekk jiġu evitati proċeduri twal u inċerti ta’ rimborż.
Rajna ħafna interess minn diversi setturi tas-suq, b'madwar 100 applikant li jixtiequ jesperimentaw aktar b'każijiet ġodda ta’ użu u ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi.[20] Dawn is-sħubijiet għall-innovazzjoni fl-aħħar mill-aħħar se jkunu ta’ benefiċċju għall-fornituri u għall-utenti kollha tal-euro diġitali. Il-fornituri se jkunu jistgħu jespandu l-bażijiet tal-klijenti u tad-dħul tagħhom, filwaqt li l-utenti se jibbenefikaw minn għażliet ta’ pagament innovattivi.
Barra minn hekk, il-ħidma teknika dwar il-privatezza, il-funzjonalità offline u r-reżiljenza operazzjonali miexja sew. Ninsabu wkoll f’nofs il-proċess tal-akkwist biex nistabbilixxu ftehimiet qafas ma’ fornituri futuri possibbli ta’ servizzi tal-euro diġitali.[21]
Fl-aħħar nett, qed nagħmlu riċerka komprensiva dwar l-utenti biex niġbru perspettivi azzjonabbli dwar il-preferenzi tal-utenti u niżguraw li l-euro diġitali joffri benefiċċji ċari lin-nies.[22] Din hija xi ħaġa li qajjimt ukoll fir-riżoluzzjoni reċenti tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE.[23]
Konklużjoni
Nixtieq nikkonkludi b’dan.
Issa wasal iż-żmien li naġixxu. Il-progress kemm fir-regolament dwar l-euro diġitali kif ukoll fir-regolament dwar l-istatus ta’ valuta legali tal-flus kontanti sar urġenti jekk irridu nżidu r-reżiljenza tagħna għal tfixkil possibbli u nreġġgħu lura d-dipendenza dejjem akbar tagħna fuq il-kumpaniji barranin.
Ilna nenfasizzaw l-importanza tal-awtonomija strateġika tal-Ewropa mill-bidu nett tal-proġett tal-euro diġitali.[24] L-aħbar it-tajba hija li kemm il-koleġiżlaturi kif ukoll il-BĊE ilhom jaħdmu bla heda fuq din il-kwistjoni f’dawn l-aħħar snin.
Dan huwa proġett Ewropew komuni pubbliku-privat, u bħala koleġiżlaturi intom għandkom rwol ċentrali biex dan iseħħ. Issa wasal il-mument biex l-awtonomija strateġika tal-Ewropa fil-qasam kritiku tal-pagamenti ssir realtà.
Biex l-euro diġitali jirnexxi, neħtieġu leġiżlazzjoni robusta u li tħares ’il quddiem. Il-BĊE jinsab lest li jappoġġjak b'kontribut tekniku hekk kif id-deliberazzjonijiet tiegħek jimxu 'l quddiem, u naturalment se nkomplu naġġornawk dwar il-progress li qed nagħmlu.
F’dinja li qed tinbidel b’pass imgħaġġel, ejjew nuru lill-Ewropej kollha li aħna nirrispondu għall-isfidi direttament, nipproteġu l-munita tagħna u niggarantixxu l-libertà tan-nies li jħallsu kif jagħżlu huma.
Grazzi tal-attenzjoni.
BĊE (2024), Study on the payment attitudes of consumers in the euro area (SPACE), Diċembru.
BĊE (2025), Report on card schemes and processors, Frar. Barra minn hekk, għadd limitat biss ta’ pajjiżi Ewropej joffru għażla ta’ pagament domestiku għax-xiri online.
Skont l-aktar statistika reċenti tal-BĊE dwar il-pagamenti, fl-ewwel nofs tal-2024 l-iskemi tal-kards internazzjonali ammontaw għal 66 % tat-tranżazzjonijiet kollha mibdija elettronikament imwettqa bl-użu ta’ kards maħruġa fiż-żona tal-euro (żieda minn 61 % fl-2022).
Il-valur totali tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni bħalissa huwa ftit inqas minn €1.6 triljun. U l-karti tal-flus jiċċirkolaw malajr: fl-2024, il-valur tal-karti tal-flus ipprovduti mill-banek lill-klijenti tagħhom kien f’livell simili, ftit aktar minn €1.6 triljun.
L-istrateġija tal-Eurosistema dwar il-flus kontanti għandha l-għan li tiżgura li l-flus kontanti jibqgħu disponibbli b’mod wiesa’ u aċċettati kemm bħala mezz ta’ ħlas kif ukoll bħala ħażna tal-valur. Ara wkoll il-BĊE (2025), “L-istrateġija tal-Eurosistema dwar il-flus kontanti”, stqarrija għall-istampa , 31 ta’ Jannar.
Dan l-approċċ jiżgura ċ-ċertezza legali għall-pagamenti wiċċ imb wiċċ u huwa allinjat mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-abbozz ta’ regolament dwar l-euro diġitali. Ara l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-valuta legali tal-karti tal-flus u tal-muniti tal-euro, il-Kummissjoni Ewropea, COM(2023) 364 final, 28 ta’ Ġunju 2023 u l-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta’ Ottubru 2023 dwar proposta għal regolament dwar il-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro (CON/2023/31).
BĊE (2024), op. cit.
BĊE (2025), Report on card schemes and processors, Frar.
EuroCommerce (2024), “EU businesses’ competitiveness impacted by current cards payments landscape – a call for urgent action”, dokument ta’ pożizzjoni, it-8 ta’ Lulju.
Pereżempju, PayPal ħabbar pjanijiet biex joffri l-istablecoin tiegħu stess – PayPal USD (PYUSD) – bħala għażla ta’ pagament lil aktar minn 20 miljun negozjant żgħir u ta’ daqs medju sa tmiem l-2025. Din se tippermetti lin-negozjanti jħallsu faċilment lill-bejjiegħa tagħhom bi stablecoins permezz ta’ faċilità ġdida li taħdem bil-PYUSD għall-ħlas tal-kontijiet. Minflok ma jibagħtu ħlasijiet permezz ta’ networks bankarji tradizzjonali, in-negozji se jkunu jistgħu jibagħtu l-PYUSD istantanjament, mingħajr l-ebda intermedjarju involut. Il-PYUSD tista’ tintuża kull fejn PayPal huwa aċċettat, inklużi miljuni ta' negozjanti madwar id-dinja. Għalhekk, il-PYUSD diġà tista’ tintuża bħala għażla ta’ pagament fuq il-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku u fit-terminals fil-punt tal-bejgħ, li tippermetti lin-negozjanti jaċċettaw pagamenti mill-klijenti.
Ara wkoll Lane, P.R. (2025), “The digital euro: maintaining the autonomy of the monetary system”, diskors fl-Economics Society Conference 2025 tal-University College Cork, Cork, 20 ta’ Marzu.
Funzjonalità offline tippermetti lin-nies jużaw l-euro diġitali anke meta jkollhom konnessjoni batuta jew l-ebda konnessjoni man-network. Qabel ma jagħmel pagament, l-utent ikollu bżonn jiffinanzja minn qabel il-kont ta’ pagament offline tiegħu bl-euro diġitali u l-fondi jinħażnu lokalment fuq l-apparat tiegħu. Il-ħlas isir mingħajr l-ebda involviment ta’ parti terza. Għal aktar informazzjoni dwar il-privatezza, ara Daman, M.G.A. (2024), “Making the digital euro truly private”, Il-Blog tal-BĊE, BĊE, 13 ta’ Ġunju.
Kif inhu l-każ bħalissa b’sistemi oħra ta’ ħlas, il-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jqassmu l-euro diġitali jkunu jistgħu jitolbu ħlas lin-negozjanti għal dawn is-servizzi. L-iffissar tal-prezzijiet għan-negozjanti u l-fornituri tas-servizzi ta’ pagament ikun soġġett għal limitu massimu, kif propost mill-Kummissjoni Ewropea fil-proposta leġiżlattiva tagħha dwar l-euro diġitali. Bħal fil-każ tal-produzzjoni u l-ħruġ tal-karti tal-flus, l-Eurosistema se tħallas l-ispejjeż tal-istabbiliment tal-iskema u l-infrastruttura tal-euro diġitali.
Hemm bosta eżempji ta’ inizjattivi tas-suq li għandhom l-għan li jipprovdu soluzzjonijiet pan-Ewropej. Pereżempju, 14-il bank minn Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, in-Netherlands u l-Lussemburgu qed ifittxu li jippożizzjonaw marka ġdida, Wero, bħala parti mill-Inizjattiva Ewropea għall-Pagamenti (EPI). Wero bħalissa toffri soluzzjonijiet ta’ ħlas għal każijiet ta’ użu minn persuna għal oħra u online (fejn aċċettat). Filwaqt li dan huwa żvilupp pożittiv, Wero għad għandha ambitu limitat fl-UE u ma għandhiex l-intenzjoni li tespandi f’pagamenti fil-punt tal-bejgħ b’soluzzjoni mingħajr kuntatt (NFC). B'mod parallel, inħolqot l-EuroPA, l-Alleanza Ewropea tal-Pagamenti, li taħtha Bancomat, Bizum u MB WAY bdew iniedu s-servizz tagħhom biex jippermettu lill-utenti fl-Italja, fil-Portugall, fi Spanja u f’Andorra jibagħtu u jirċievu flus istantanjament permezz tan-numru tal-mowbajl. Filwaqt li l-interoperabbiltà fost l-iskemi domestiċi għandha l-potenzjal li tgħaqqad sistemi ta’ pagament separati, il-kisba ta’ esperjenza ta’ pagament verament bla xkiel u integrata tirrikjedi li jingħelbu sfidi tekniċi, regolatorji u tal-esperjenza tal-utent sinifikanti, b’mod partikolari meta jiġu kkunsidrati diversi każijiet ta’ użu bħall-punt tal-bejgħ u l-kummerċ elettroniku. Dawn l-inizjattivi privati Ewropej jistgħu jikkapitalizzaw fuq l-istandards miftuħa u l-istatus ta’ valuta legali tal-euro diġitali, u b’hekk jespandu f’pajjiżi ġodda u jindirizzaw każijiet ġodda ta’ użu b’mod aktar kosteffettiv.
BĊE (2024), Progress on the preparation phase of a digital euro – Second Progress Report, 2 ta’ Diċembru.
L-Eurosistema stabbiliet Grupp ta’ Żvilupp tal-Ġabra ta’ Regoli għall-iskema tal-euro diġitali biex tikseb input mill-industrija finanzjarja, mill-konsumaturi u min-negozjanti. Il-Grupp jikkonsisti fi 22 espert mis-settur pubbliku u privat b'esperjenza fil-finanzi u l-pagamenti. Ara l-BĊE (2023), Membri tal-Grupp għall-Iżvilupp tal-Ġabra tar-Regoli”,il-15 ta’ Frar. Għal aktar informazzjoni, ara l-ittra minn Piero Cipollone lil Aurore Lalucq, President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew, dwar @Update on work of digital euro Rulebook Development Group”,5 ta’ Settembru 2024.
Il-ġabra ta’ regoli dwar l-euro diġitali għandha tagħmel obbligatorji standards komuni madwar iż-żona tal-euro. L-istandards ta’ aċċettazzjoni tal-euro diġitali jkunu disponibbli mingħajr ħlas għall-użu mill-ġdid minn entitajiet privati, li jkunu jistgħu jiżviluppaw is-servizzi tagħhom fuq dik il-bażi. Dan se jgħin lill-fornituri privati jiksbu aċċettazzjoni pan-Ewropea fuq livell tekniku, li jwassal għal kosteffiċjenzi u suq Ewropew tal-pagamenti aktar integrat. L-espansjoni kemm tal-firxa ġeografika tagħhom kif ukoll tal-portafoll ta’ prodotti tagħhom, min-naħa tagħha, se tagħmilha aktar faċli għalihom biex jikkompetu fuq livell internazzjonali. Filwaqt li l-aċċettazzjoni teknika tkun garantita, xorta jkunu meħtieġa ftehimiet kummerċjali.
Il-BĊE ilu jaħdem ma' esperti mill-banek ċentrali nazzjonali u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jiżviluppa metodoloġija komprensiva għall-kalibrar tal-limitu diġitali taż-żamma tal-euro. Fis-sessjoni teknika dwar l-euro diġitali li saret fis-16 ta’ Lulju 2024, l-assoċjazzjonijiet membri tal-Bord tal-Pagamenti bl-Imnut bl-Euro qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-fatturi li jinfluwenzaw din il-kalibrazzjoni, li ġew inkorporati fil-proċess ta’ żvilupp. Ara l-BĊE (2024), “Preliminary methodology for calibrating holding limits”, l-10 ta’ Diċembru.
19 Il-BĊE (2024), “Call for expressions of interest in innovation partnerships for the digital euro, MIP News, il-31 ta’ Ottubru.
Fost ir-rikorrenti kien hemm 25 negozju ġdid, 18-il kumpanija tal-informatika, 10 fornituri oħra ta’ servizzi ta’ ħlas, disa’ universitajiet u ħames banek. Eżempji ta’ każijiet ta’ użu ġdid jinkludu (i) it-trasport suburban bl-użu ta’ smartphone bħala l-apparat taċ-check-in/out u li jippermetti rimborż kondizzjonali jekk servizz jiddewwem; (ii) l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur li jirtira mill-abbonamenti, proċess li bħalissa mhux dejjem ikun trasparenti.
Fl-2024, nedejna l-proċess biex nagħżlu fornituri potenzjali. Ħriġna sejħiet għal applikazzjonijiet biex nistabbilixxu ftehimiet qafas għal ħames komponenti tal-euro diġitali li huma mistennija li jiġu operati minn fornituri barra mill-Eurosistema: (i) il-komponent ta’ tiftix ta’ alias; (ii) l-iskambju sikur tal-komponent ta’ informazzjoni dwar ħlas; (iii) il-komponent ta’ ġestjoni tal-frodi u tar-riskju; u (v) app tal-euro diġitali u kit għall-iżvilupp tas-software relatat. Komponenti oħra, bħas-saldu tal-ħlas, jinkisbu minn ġewwa l-Eurosistema. Għal aktar informazzjoni, ara l-ittra minn Piero Cipollone lil Irene Tinagli, President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew, dwar “Update on work of digital euro Rulebook Development Group and start of selection procedure for potential digital euro providers”,3 ta’ Jannar 2024.
Il-BĊE qabbad fornitur speċjalizzat biex jagħmel riċerka komprensiva dwar l-utenti, li bdiet f'Settembru 2024. L-għan ta’ din ir-riċerka huwa li jinġabar għarfien azzjonabbli dwar il-preferenzi tal-utenti biex tissaħħaħ il-proposta tal-valur tal-euro diġitali. L-oqsma ta’ prijorità ewlenin jinkludu: (i) analiżi ġenerali tas-segmentazzjoni tal-popolazzjoni usa’ sabiex jiġi identifikat min se juża l-euro diġitali u x’ikun jeħtieġ; (ii) il-preferenzi tal-utenti għaż-żamma ta’ limiti li se jinfurmaw il-ħidma teknika fuq il-metodoloġija għall-ikkalibrar tal-limiti taż-żamma; u (iii) studji fil-fond imwettqa ma’ gruppi vulnerabbli u negozjanti żgħar. Il-metodoloġiji użati jinkludu stħarriġ, gruppi fokus, intervisti bejn il-pari u komunità online għal konsultazzjoni rapida mal-utenti. Is-sejbiet tar-riċerka huma mistennija li jiġu ppubblikati f’nofs l-2025.
23 Il-Parlament Ewropew (2025), RAPPORT dwar il-Bank Ċentrali Ewropew – rapport annwali 2024, 22 ta’ Jannar.
24 BĊE (2020), Rapport dwar l-euro diġitali, Ottubru.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja