Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Muniti kommemorattivi ta’ €2

Valuta legali fiż-żona tal-euro kollha

Kull pajjiż li juża l-euro bħala l-munita uffiċjali tiegħu jista’ joħroġ żewġ muniti kommemorattivi fis-sena. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi, kwalitajiet u naħa komuni bħall-muniti normali ta’ €2. Id-differenza tinsab fid-disinn kommemorattiv fuq in-naħa nazzjonali tagħhom. Id-denominazzjoni ta’ €2 biss tista’ tintuża għall-muniti kommemorattivi.

Il-muniti kommemorattivi ta’ €2 huma valuta legali fiż-żona tal-euro kollha. Dan ifisser li jistgħu jintużaw – u jridu jiġu aċċettati – bħal kull munita oħra tal-euro.

Il-biċċa l-kbira tal-muniti jikkomemoraw l-anniversarji ta' ġrajjiet storiċi jew jiġbdu l-attenzjoni għal ġrajjiet kurrenti ta' importanza kulturali. Pereżempju, l-ewwel munita kommemorattiva ta’ €2 kienet inħarġet mill-Greċja biex tiċċelebra l-Logħob Olimpiku ta' Ateni fl-2004.

Filwaqt li l-BĊE huwa responsabbli biex japprova l-volum massimu ta’ muniti li kull pajjiż jista’ joħroġ, inklużi muniti kommemorattivi, id-disinn u l-ħruġ tagħhom jibqgħu kompetenza nazzjonali.

Il-muniti maħruġa konġuntament mill-pajjiżi kollha taż-żona tal- euro

Inħarġu ħames muniti kommemorattivi konġuntament:

  1. f’Marzu 2007, b’kommemorazzjoni tal-50 anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma;
  2. f'Jannar 2009 b’ċelebrazzjoni tal-10 anniversarju tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja;;
  3. f'Jannar 2012, b’kommemorazzjoni tal-10 snin mill-ħruġ tal-ewwel karti u muniti tal-euro;
  4. f’Awwissu 2015, b’ċelebrazzjoni tat-30 anniversarju tal-bandiera Ewropea;
  5. u, f’Lulju 2022, b’kommemorazzjoni tal-35 sena tal-programm Erasmus.

Bħala regola, kull pajjiż jista’ joħroġ biss żewġ muniti kommemorattivi ta' €2 fis-sena. B’mod eċċezzjonali, tista’ tinħareġ it-tielet munita, dment li tinħareġ konġuntament mill-pajjiżi kollha taż-żona tal- euro u tkun tikkommemora avveniment ta’ importanza għall-Ewropa kollha.

Dawn il-muniti maħruġa konġuntament għandhom disinn komuni fuq in-naħa nazzjonali kif ukoll l-isem tal-pajjiż li jkun ħariġhom u l-avvenimenti kkommemorati fil-lingwa jew lingwi nazzjonali rispettivi.

Aġġornamenti tas-sit web dwar il-muniti kommemorattivi ta’ €2

B’differenza mill-karti tal-flus, il-muniti tal-euro huma kompetenza nazzjonali u mhux kompetenza tal-BĊE.

Jekk pajjiż ikun beħsiebu joħroġ munita kommemorattiva ta’ €2, irid jinforma lill-Kummissjoni Ewropea, iżda ma jridx jirrapporta lill-BĊE. Il-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-informazzjoni relevanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (sensiela C).

Il-Ġurnal Uffiċjali huwa s-sors awtorevoli multilingwi li fuqu l-BĊE jibbaża l-aġġornamenti għall-paġni tas-sit web tiegħu dwar il-muniti tal-euro. Il-proċess tar-rapportar, it-traduzzjoni fi 23 lingwa u l-pubblikazzjoni jistgħu jieħdu ftit żmien. Għalhekk, jekk jogħġbok kun konxju li l-paġni tal-muniti fuq is-sit web tal-BĊE jistgħu mhux dejjem ikunu aġġornati kompletament.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima