Kif se jaħdem l-euro diġitali?
Immaġina li tmur fuq magna awtomatika tal-flus (ATM) u tiġbed €100. Il-bilanċ tal-kont bankarju tiegħek jonqos b’€100, iżda issa għandek €100 fi flus kontanti li bihom tista’ tħallas.
L-istess proċess japplika għall-euro diġitali, biss minflok ma ssarraf il-flus fil-kont bankarju tiegħek fi flus kontanti, inti tikkonvertihom f’euro diġitali.
Meta tkun tista’ tuża l-euro diġitali?
Xiri ta’ kuljum
Kemm jekk qed tixtri l-kafè ta’ filgħodu tiegħek jew tħallas lill-babysitter, tista’ tħallas bil-kartiera tal-euro diġitali tiegħek. L-euro diġitali jkun disponibbli għal kwalunkwe ħlas elettroniku fil-ħwienet, online jew minn persuna għal oħra.
Ħlasijiet bejn il-ħbieb
Tista’ tagħmel pagamenti diretti minn kartiera għal kartiera bl-użu ta' telefown jew arloġġ, daqs li kieku kont qed tagħti flus lura lil ħabib li jkun selfek il-flus. Bl-euro diġitali, dan jista’ jaħdem online kif ukoll offline.
Meta ssiefer
Meta żżur pajjiż ieħor taż-żona tal-euro huwa normali li ġġorr flus kontanti biex tkun ċert(a) li tista’ tagħmel pagamenti u tevita tariffi żejda meta tiġbed il-flus. Bl-euro diġitali, tkun tista’ tħallas fi kwalunkwe post fiż-żona tal-euro, mingħajr tariffi.
Xiri mill-internet
L-euro diġitali jkun disponibbli wkoll f’sitwazzjonijiet fejn il-flus kontanti ma jkunux disponibbli, pereżempju meta nixtru mill-internet. L-euro diġitali jipprovdi mezz ta’ ħlas sikur u faċli, appoġġat mill-BĊE, istituzzjoni pubblika.
Funzjonijiet addizzjonali
Pagamenti rikorrenti u kundizzjonali
Ħafna mill-infiq tagħna ta’ kuljum imur lejn pagamenti regolari, bħall-ħlas tal-kera fil-bidu ta’ kull xahar jew il-ħlas għall-indukrar tat-tfal. Huwa għalhekk li l-euro diġitali jiffaċilita l-pagamenti awtomatizzati għal persuni li jixtiequ jużaw din il-funzjoni.
Il-parteċipanti fil-pjattaforma tal-innovazzjoni tal-euro diġitali ttestjaw pagamenti kundizzjonali, bħal pagamenti “ħallas mal-konsenja”, “ħallas skont l-użu” jew pagamenti bbażati fuq l-istadji importanti. B’pagamenti kundizzjonali, il-pagament tiegħek jitlesta biss ladarba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Pereżempju, pagament għal ikla takeaway jitlesta biss ladarba l-ikla tkun ġiet ikkunsinnata.
Madankollu, l-euro diġitali qatt ma jsir flus programmabbli. Il-flus programmabbli huma flus diġitali użati għal skop jew tul ta’ żmien ristrett, bħal vawċer.
B’kuntrast għal dan, l-euro diġitali mhux se jkun ristrett u dejjem se jżomm il-valur tiegħu – l-istess bħall-flus kontanti. Ma rridux li l-euro diġitali jiġi b’xi restrizzjoni fuq fejn, meta jew ma’ min in-nies u n-negozji jistgħu jużawh.
Kemm jista’ jkolli euro diġitali fil-kartiera tiegħi?
Jiġi stabbilit limitu fuq l-ammont ta’ euro diġitali li persuna jew kumpanija tista’ żżomm fil-kartiera tal-euro diġitali tagħha. Dan għandu jgħin biex jiġi evitat ħruġ eċċessiv ta’ depożiti mill-banek, sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja.
L-utenti li jkunu jixtiequ jħallsu aktar mil-limitu stabbilit ikunu jistgħu jagħmlu dan billi jillinkjaw il-kartiera diġitali tagħhom mal-kont bankarju tagħhom.