Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA INTRODUTTIVA

KONFERENZA STAMPA

Mario Draghi, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 10 ta’ April 2019

Sinjuri, hu pjaċir kbir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Se nagħtukom rapport fuq il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv.

Wara l-analiżijiet regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, ħadna d-deċiżjoni li nżommu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE kif inhuma. Għadna nistennew li dawn se jibqgħu fil-livelli preżenti tagħhom għall-inqas sal-aħħar tal-2019, u fi kwalunkwe każ, sakemm ikun meħtieġ biex niżguraw konverġenza kontinwa u sostnuta tal-inflazzjoni ma’ livelli li jkunu taħt, imma qrib it-2% fuq żmien medju.

Fiħsiebna nkomplu ninvestu mill-ġdid, għalkollox, il-ħlasijiet ewlenin minn titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt il-programm tax-xiri ta’ assi għal perjodu estiż ta’ żmien wara d-data meta nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli u grad wiesa’ ta’ akkomodament monetarju.

Il-Kunsill Governattiv huwa lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni tibqa’ miexja lejn l-għan tal-Kunsill Governattiv għall-inflazzjoni b’mod sostnut.

Dettalji dwar it-termini preċiżi tas-sensiela l-ġdida ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal immirati (TLTROs) se jiġu kkomunikati f'waħda mil-laqgħat li ġejjin tagħna. B’mod partikolari, l-ipprezzar tal-operazzjonijiet TLTRO-III l-ġodda ser iqisu valutazzjoni bir-reqqa tal-kanal ta’ trażmissjoni bbażat fuq il-bank tal-politika monetarja, kif ukoll aktar żviluppi fil-prospetti ekonomiċi. Fil-kuntest tal-valutazzjoni regolari tagħna, aħna ser nikkunsidraw ukoll jekk il-preservazzjoni tal-implikazzjonijiet favorevoli ta’ rati ta' imgħax negattivi għall-ekonomija teħtieġx il-mitigazzjoni tal-effetti sekondarji possibbli tagħhom, jekk hemm, fuq l-intermedjazzjoni bankarja.

L-informazzjoni li saret disponibbli mill-aħħar laqgħa tal-Kunsill Governattiv fil-bidu ta’ Marzu tikkonferma momentum ta’ tkabbir iktar bil-mod li jestendi għas-sena kurrenti. Filwaqt li hemm sinjali li wħud mill-fatturi domestiċi idjosinkratiċi li qed ixekklu t-tkabbir qed jonqsu, ostakoli globali jkomplu jaffettwaw l-iżviluppi fit-tkabbir taż-żona tal-euro. Il-persistenza ta’ inċertezzi, relatati ma’ fatturi ġeopolitiċi, it-theddida tal-protezzjoniżmu u l-vulnerabbiltajiet fis-swieq emerġenti, qed tħalli sinjali fuq is-sentiment ekonomiku. Fl-istess ħin, aktar kisbiet fl-impjiegi u pagi li qed jiżdiedu jkomplu jsostnu r-reżiljenza tal-ekonomija domestika u l-pressjonijiet dejjem jiżdiedu tal-inflazzjoni. Madankollu, għad hemm bżonn ta’ grad wiesa’ ta’ akkomodament monetarju biex jiġu ssalvagwardati kundizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament u jingħata appoġġ għall-espansjoni ekonomika, u għalhekk biex jiġi żgurat li l-inflazzjoni tibqa’ fi triq sostnuta lejn livelli li huma taħt, iżda viċin it-2% matul perjodu ta’ żmien medju. Stimulu sinifikanti tal-politika monetarja qed jiġi provdut mill-gwida bil-quddiem tagħna dwar ir-rati ta’ imgħax ewlenin tal-BĊE, imsaħħa mill-investimenti mill-ġdid tal-istokk imdaqqas ta’ assi akkwistati u s-sensiela l-ġdida ta’ TLTROs

Issa se nispjega l-valutazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. Il-PDG reali taż-żona tal-euro żdied b’0.2% fuq bażi trimestrali fir-raba’ trimestru tal-2018, wara żieda ta 0.1% fit-tielet trimestru. Id-dejta li tidħol tibqa’ dgħajfa, speċjalment għas-settur tal-manifattura, prinċipalment minħabba t-tnaqqis fid-domanda esterna, li ġie aggravat minn xi fatturi speċifiċi għal ċerti pajjiżi u setturi. Billi l-impatt ta’ dawn il-fatturi qed jirriżulta li qed idum kemxejn iktar, il-momentum tat-tkabbir aktar bil-mod huwa mistenni li jestendi għas-sena kurrenti. Jekk inħarsu ’l quddiem, l-effett ta’ dawn il-fatturi avversi huwa mistenni li jonqos. L-espansjoni taż-żona tal-euro ser tkompli tkun appoġġata minn kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli, aktar impjiegi u żieda fil-pagi, u l-espansjoni kontinwa - għalkemm kemmxejn aktar kajmana - fl-attività globali.

Ir-riskji madwar il-prospetti tat-tkabbir taż-żona tal-euro jibqgħu inklinati għan-negattiv, minħabba l-persistenza ta’ inċertezzi relatati ma’ fatturi ġeopolitiċi, it-theddida tal-protezzjoniżmu u l-vulnerabbiltajiet fis-swieq emerġenti.

Skont il-kalkolu preliminari tal-Eurostat, l-inflazzjoni annwali fiż-żona tal-euro mkejla bl-Indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (Harmonised Index of Consumer Prices – HICP) kienet ta’ 1.4% f’Marzu 2019, wara 1.5% fi Frar, li tirrifletti l-iktar tnaqqis fl-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel, is-servizzi u l-oġġetti industrijali mhux enerġetiċi. Fuq il-bażi tal-prezzijiet attwali tal-kuntratti future taż-żejt, l-inflazzjoni ġenerali x’aktarx li tonqos fix-xhur li ġejjin. Il-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti ġeneralment jibqgħu żgħar b'mod ġenerali, imma pressjonijiet fuq l-ispejjeż tax-xogħol issaħħew u twessgħu fost livelli għolja ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità u l-issikkar tas-swieq tax-xogħol. Ħarsa ’l quddiem turi li l-inflazzjoni sottostanti mistennija tiżdied matul żmien medju, bis-sostenn tal-miżuri tagħna għall-politika monetarja, l-espansjoni ekonomika kontinwa u l-pagi li qed jogħlew.

Dwar l-analiżi monetarja: it-tkabbir tal-aggregat monetarju wiesa’ (M3) żdied għal 4.3% fi Frar minn 3.8% f’Jannar. Meta wieħed iħares lejn xi volatilità fil-flussi ta’ kull xahar, it-tkabbir tal-M3 jibqa’ appoġġjat mill-ħolqien ta’ kreditu bankarju, minkejja moderazzjoni riċenti fid-dinamika tal-kreditu. L-aggregat monetarju ristrett M1 baqa’ l-kontributur ewlieni għat-tkabbir monetarju wiesa’.

Ir-rata annwali ta’ tkabbir tas-self lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji stejqret għal 3.7% fi Frar 2019, minn 3.4% f’Jannar, b’rifless l-aktar ta’ effett bażi. Jekk inħarsu lejn il-volatilità fuq żmien qasir, ir-rata tat-tkabbir annwali tas-self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji mmoderat f’dawn l-aħħar xhur, u tirrifletti r-reazzjoni tipika li baqgħet lura għat-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku. Fl-istess ħin, ir-rata ta’ tkabbir annwali tas-self lill-individwi baqgħet l-istess fi 3.3% fi Frar. L-istħarriġ dwar is-self bankarju fiż-żona tal-euro għall-ewwel trimestru tal-2019 jissuġġerixxi li l-kundizzjonijiet ġenerali tas-self bankarju baqgħu favorevoli.

Il-miżuri tal-politika monetarja tagħna, inkluża s-sensiela l-ġdida ta’ TLTROs li ħabbarna f'Marzu, se jgħinu biex jissalvagwardjaw il-kundizzjonijiet favorevoli ta’ self bankarju u se jkomplu jappoġġaw l-aċċess għall-finanzjament, partikolarment għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Fil-qosor, kontroverifika tal-eżitu tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat li għadu meħtieġ livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju għall-konverġenza kontinwa u sostnuta tal-inflazzjoni ma’ livelli li huma taħt, imma qrib it-2% fuq żmien medju.

Biex jitgawdew il-benefiċċji kollha li jirriżultaw mill-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, oqsma oħra ta’ politika għandhom jikkontribwixxu b’mod deċiżiv biex isaħħu l-potenzjal ta’ tkabbir fuq żmien twil u jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet. L-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali fil-pajjiżi taż-żona tal-euro jeħtieġ li titħaffef b’mod sostanzjali biex tiżdied il-kapaċità ta’ rkupru mill-iskossi, jonqos il-qgħad strutturali u tingħata spinta lill-produttività u l-potenzjal ta’ tkabbir taż-żona tal-euro. Rigward il-politiki fiskali, il-qagħda fiskali fiż-żona tal-euro kemxejn espansiva u l-operazzjoni ta’ stabbilizzaturi awtomatiċi qed jipprovdu appoġġ għall-attività ekonomika. Fl-istess ħin, pajjiżi fejn id-dejn tal-gvern huwa għoli jeħtieġ li jkomplu jibnu mill-ġdid il-bafers fiskali. Il-pajjiżi kollha għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex jiksbu kompożizzjoni aktar favorevoli għat-tkabbir tal-finanzi pubbliċi. Bl-istess mod, l-implimentazzjoni trasparenti u konsistenti tal-qafas ta’ governanza fiskali u ekonomika tal-Unjoni Ewropea tul iż-żmien u fil-pajjiżi kollha tibqa’ essenzjali biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija taż-żona tal-euro. It-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għadu prijorità. Il-Kunsill Governattiv jilqa’ x-xogħol li għadu għaddej u jħeġġeġ passi speċifiċi u deċiżivi biex titlesta l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq tal-kapital.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja