Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

KONFERENZA STAMPA

Mario Draghi, President tal-BĊE,
Vítor Constâncio, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 27 ta’ April 2017

STQARRIJA INTRODUTTORJA

Sinjuri, hu l-pjaċir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Issa se nagħtukom rapport fuq il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv, li għaliha attenda wkoll il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Dombrovskis.

Wara l-analiżi regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, ħadna d-deċiżjoni li nżommu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE kif inhuma. Qegħdin inkomplu nistennew li jibqgħu fil-livelli attwali jew inqas għal perjodu estiż ta’ żmien, u sew wara li jintemm il-perjodu tal-akkwist nett ta’ assi min-naħa tagħna. Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, nikkonfermaw li l-akkwist nett ta’ assi, bir-ritmu ġdid ta’ €60 biljun fix-xahar, huwa maħsub li jibqa’ jsir sal-aħħar ta’ Diċembru 2017 jew wara, jekk ikun meħtieġ, u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu. L-akkwisti netti se jsiru flimkien mal-investiment mill-ġdid tal-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw li jkunu ġew akkwistati fil-programm tax-xiri ta’ assi.

Il-miżuri li ħadna fil-politika monetarja komplew iżommu l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tassew favorevoli li jinħtieġu biex jiġi żgurat li r-rati tal-inflazzjoni jikkonverġu b’mod sostnut għal livelli taħt iżda qrib 2% għal żmien medju. It-tagħrif li daħal mill-aħħar laqgħa li kellna fil-bidu ta’ Marzu jikkonferma li l-irkupru ċikliku tal-ekonomija taż-żona tal-euro kulma jmur qiegħed jissoda u li r-riskji b’xejra ta’ tnaqqis komplew jonqsu. Fl-istess waqt, il-pressjonijiet tal-inflazzjoni ta’ bażi baqgħu mrażżnin u għad ma wrew ebda xejra ta’ żieda konvinċenti. Barra minn hekk, il-volatilità kontinwa fl-inflazzjoni nominali tenfasizza l-ħtieġa li nkomplu niflu l-iżviluppi temporanji fl-inflazzjoni HICP, billi dawn m’għandhom ebda implikazzjoni fuq il-prospettiva għal żmien medju tal-istabbiltà tal-prezzijiet.

Għad jinħtieġ livell sostanzjali ferm ta’ rikonċiljazzjoni monetarja biex il-pressjonijiet tal-inflazzjoni ta’ bażi jkomplu jikbru u jsostnu l-inflazzjoni nominali fi żmien medju. Jekk il-prospettiva ssir inqas favorevoli jew jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji ma jibqgħux konsistenti mal-progress lejn aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni, ninsabu lesti nkabbru l-programm tal-akkwist ta’ assi kemm bħala daqs kif ukoll bħala tul ta’ żmien.

Issa se nispjega l-evalwazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. Il-PDG reali taż-żona tal-euro żdied b’0.5% fuq bażi trimestrali fir-raba’ trimestru tal-2016, wara li rreġistra rata ta’ tkabbir ta’ 0.4% fit-tielet trimestru. It-tagħrif li dieħel, b’mod partikolari r-riżultati tal-istħarriġ, isaħħaħ il-fiduċja tagħna li l-espansjoni ekonomika li għaddejja bħalissa se tkompli tissoda u tinfirex. It-trażmissjoni tal-miżuri li ħadna fil-politika monetarja qiegħda ssostni d-domanda domestika u tħaffef il-proċess kontinwu ta’ deleveraging. L-irkupru fl-investiment qiegħed ikompli jgawdi mill-kundizzjonijiet tassew favorevoli tal-finanzjament u t-titjib fil-profitabilità korporattiva. Iż-żieda fl-impjiegi, li qegħdin jibbenefikaw ukoll mir-riformi fis-suq tax-xogħol li saru fl-imgħoddi, qiegħda tgħin id-dħul reali disponibbli u l-konsum privat. Barra minn hekk, is-sinjali ta’ rkupru globali iżjed qawwi u ż-żieda fil-kummerċ globali jissuġġerixxu li d-domanda barranija se tkompli ssaħħaħ b’mod ġenerali l-espansjoni ekonomika fiż-żona tal-euro. Madankollu, it-tkabbir ekonomiku għadu mrażżan mir-ritmu kajman tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, b’mod partikolari fis-swieq tal-prodotti, u mill-ħtiġijiet ta’ aġġustament fil-karti tal-bilanċ li għad fadal f’għadd ta’ setturi. Ir-riskji għall-prospettiva tat-tkabbir fiż-żona tal-euro, filwaqt li jinsabu mixjin lejn konfigurazzjoni bilanċjata, għadhom imxaqilbin lejn tnaqqis u fil-biċċa l-kbira għandhom x’jaqsmu ma’ fatturi globali.

L-inflazzjoni nominali qiegħda tirkupra mil-livelli tassew baxxi li rajna fl-2016, l-iżjed minħabba li komplew jogħlew il-prezzijiet tal-enerġija. Wara li laħqet 2.0% fi Frar 2017, l-inflazzjoni HICP annwali taż-żona tal-euro kienet 1.5% f’Marzu. Dan kien jirrifletti l-aktar inflazzjoni iżjed baxxa fil-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel mhux proċessat, iżda wkoll tnaqqis fl-inflazzjoni tal-prezzijiet tas-servizzi. Għall-ġejjieni, abbażi tal-prezzijiet tal-kuntratti ta’ xiri ta’ żejt fil-ġejjieni, l-inflazzjoni nominali x’aktarx tiżdied f’April u wara tibqa’ fil-livelli attwali sal-aħħar tas-sena. Madankollu, billi r-riżorsi mhux utilizzati għadhom piż fuq il-formazzjoni tal-pagi u l-prezzijiet domestiċi, il-kejl tal-inflazzjoni ta’ bażi għadu baxx u huwa mistenni jiżdied bil-mod fi żmien medju, bl-għajnuna tal-miżuri li ħadna fil-politika monetarja, l-irkupru ekonomiku li mistenni jkompli u l-assorbiment gradwali korrispondenti tan-nuqqas ta’ attività ekonomika.

Għal dik li hija l-analiżi monetarja, l-aggregat monetarju wiesa’ (M3) baqa’ jespandi b’ritmu qawwi, b’rata annwali ta’ tkabbir ta’ 4.7% fi Frar 2017, wara 4.8% f’Jannar. Bħal fix-xhur ta’ qabel, it-tkabbir annwali fl-M3 kien megħjun fil-parti l-kbira mill-komponenti l-iżjed likwidi tiegħu, bl-aggregat monetarju ristrett (M1) jespandi b’rata annwali ta’ 8.4% fi Frar 2017, l-istess bħax-xahar ta’ qabel.

L-irkupru fit-tkabbir tas-self lis-settur privat osservat sa mill-bidu tal-2014 għadu għaddej. Ir-rata ta’ tkabbir annwali tas-self lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji naqset għal 2.0% fi Frar 2017, minn 2.3% fix-xahar ta’ qabel, filwaqt li r-rata ta’ tkabbir annwali tas-self lill-individwi baqgħet ġeneralment stabbli, 2.3%, fi Frar. Fl-istess waqt, l-istħarriġ tas-self bankarju fiż-żona tal-euro għall-ewwel trimestru tal-2017 jindika li d-domanda netta għas-self żdiedet u l-kundizzjonijiet tas-self bankarju komplew jiħfiefu fost il-kategoriji kollha tas-self. It-trażmissjoni tal-miżuri tal-politika monetarja li ħadna minn Ġunju 2014 ’l hawn kompliet tgħin b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tas-self għall-kumpaniji u l-individwi, kif ukoll il-flussi ta’ kreditu fiż-żona tal-euro kollha.

Fil-qosor, kontroverifika tal-konklużjonijiet tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet ġejjin mill-analiżi monetarja kkonfermat il-ħtieġa li jinżamm livell sostanzjali ferm ta’ rikonċiljazzjoni monetarja biex jiġi żgurat li r-rati tal-inflazzjoni jerġgħu lura b’mod sostnut għal livelli li jkunu taħt iżda qrib 2% bla dewmien żejjed.

Biex jinħasdu l-benefiċċji kollha tal-miżuri li ħadna fil-politika monetarja, oqsma oħra tal-politika għandhom jagħtu sehemhom b’mod iżjed deċiżiv biex isaħħu t-tkabbir ekonomiku. L-implimentazzjoni tar-riformi strutturali jeħtiġilha titħaffef b’mod sostanzjali biex jikber it-tisħiħ, jonqos il-qgħad strutturali u tingħata spinta lill-produttività u lit-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni. Għal dik li hija politika fiskali, il-pajjiżi kollha għandhom iqawwu l-isforzi biex jaslu għal kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi li tkompli ssaħħaħ it-tkabbir. L-implimentazzjoni sħiħa u konsistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u tal-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi maż-żmien u fil-pajjiżi kollha tibqa’ kruċjali biex issaħħaħ l-ekonomija taż-żona tal-euro.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja