Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Stqarrija introduttorja għall-konferenza stampa

Mario Draghi, President tal-BĊE,
Vítor Constâncio, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 16 ta’ Lulju 2015

Sinjuri, hu l-pjaċir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Issa se nagħtukom rapport dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv, li għaliha attenda wkoll il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Dombrovskis.

Wara l-analiżi regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, u skont l-indikazzjonijiet tagħna għall-ġejjieni, ħadna d-deċiżjoni li nħallu r- rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE kif kienu.

Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, il-programmi tax-xiri ta’ assi għadhom mixjin bla xkiel. Kif spjegajna f’okkażjonijiet oħra, ix-xiri ta’ b’kemm jiswew €60 biljun ta’ assi kull xahar huwa maħsub li jibqa’ sejjer sal-aħħar ta’ Settembru 2016 u, fi kwalunkwe każ, sakemm naraw aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tagħna li r-rati tal-inflazzjoni jkunu taħt iżda qrib 2% għal żmien medju. Meta jagħmel l-evalwazzjoni tiegħu, il-Kunsill Governattiv se jsegwi l-istrateġija tiegħu tal-politika monetarja u jikkonċentra fuq ix-xejriet tal-inflazzjoni u l-prospettiva għal żmien medju fl-istabbiltà tal-prezzijiet.

Kollox ma’ kollox, l-informazzjoni li ħarġet minn wara l-laqgħa tal-Kunsill Governattiv tal-bidu ta’ Ġunju kienet ġeneralment taqbel mal-aspettattivi tagħna. L-aħħar żviluppi fis-swieq finanzjarji, li jirriflettu parzjalment żieda fl-inċertezza, ma biddlux l-evalwazzjoni tal-Kunsill Governattiv li l-irkupru ekonomiku taż-żona tal-euro qiegħed jinfirex u li r-rati tal-inflazzjoni se jiżdiedu gradwalment fis-snin li ġejjin. Ix-xejra tal-politika monetarja tal-BĊE għadha akkomodanti filwaqt li l-aspettattivi tal-inflazzjoni skont is-suq, kollox ma’ kollox, jew stabilizzaw ruħhom jew komplew jirkupraw mil-laqgħa tagħna tal-bidu ta’ Ġunju. L-aħħar informazzjoni għadha konsistenti wkoll mal-impatt kontinwu li qegħdin iħallu l-miżuri tal-politika monetarja fuq il-kost u d-disponibbiltà tal-kreditu għall-impriżi u l-unitajiet domestiċi. Il-miżuri tagħna għalhekk qegħdin ikomplu jgħinu t-tkabbir ekonomiku, it-tnaqqis tal-kapaċità mhix utilizzata u l-espansjoni tal-flus u l-kreditu. L-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri kollha tal-politika monetarja se twassal biex l-inflazzjoni terġa’ lura b’mod sostnut lejn livelli taħt iżda qrib 2% għal żmien medju, u se ssaħħaħ l-ankraġġ sod tal-aspettattivi tal-inflazzjoni għal żmien minn medju sa twil.

Għall-ġejjieni, se nkomplu nissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni fis-swieq finanzjarji, kif ukoll l-implikazzjonijiet potenzjali għax-xejra tal-politika monetarja u għall-prospettiva tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Jekk xi fatturi kellhom iwasslu għall-issikkar mhux iġġustifikat tal-politika monetarja, jew jekk il-prospettiva għall-istabbiltà tal-prezzijiet kellha tinbidel materjalment, il-Kunsill Governattiv jirreaġixxi għal sitwazzjoni bħal din billi juża l-istrumenti kollha disponibbli fl-ambitu tal-mandat tiegħu.

Issa se nispjega l-evalwazzjoni tagħna tal-informazzjoni li għandna f’idejna b’aktar reqqa, u nibda bl- analiżi ekonomika. It-tkabbir trimestrali tal-PDG taż-żona tal-euro f’termini reali ġie kkonfermat għal 0.4% fl-ewwel trimestru tal-2015, megħjun mill-kontribuzzjonijiet tal-konsum privat u l-investiment. L-aħħar dejta mill-istħarriġ, disponibbli sa Ġunju, għadha konsistenti mat-tkomplija tax-xejra moderata tat-tkabbir fit-tieni trimestru. Għall-ġejjieni, nistennew li l-irkupru ekonomiku se jkompli jinfirex. Id-domanda domestika għandha tkompli tiġi sostnuta bil-miżuri tal-politika monetarja li ħadna u bl-impatt favorevoli tagħhom fuq il-kundizzjonijiet finanzjarji, kif ukoll bil-progress li sar fil-konsolidament fiskali u r-riformi strutturali. Barra minn hekk, it-tnaqqis reċenti fil-prezzijiet taż-żejt għandu jipprovdi sostenn addizzjonali għad-dħul disponibbli reali tal-unitajiet domestiċi u l-profitabilità tal-impriżi u, għalhekk, għall-konsum privat u l-investiment. Barra dan, id-domanda għall-esportazzjoni miż-żona tal-euro għandha tibbenefika mit-titjib fil-kompetittività tal-prezzijiet. Madankollu, it-tnaqqis attwali fl-attività ekonomika tas-swieq emerġenti qiegħed ikompli jolqot il-prospettiva globali u t-tkabbir ekonomiku fiż-żona tal-euro x’aktarx li se jkompli jitrażżan mill-aġġustamenti meħtieġa fil-karti tal-bilanċ f’għadd ta’ setturi u mir-ritmu kajman tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali.

Ir-riskji li jxaqilbu lejn tnaqqis għall-prospettiva ekonomika taż-żona tal-euro ġeneralment ġew ikkontrollati bis-saħħa tad-deċiżjonijiet tal-politika monetarja li ħadna kif ukoll bl-iżviluppi fil-prezzijiet taż-żejt u r-rati tal-kambju.

L-inflazzjoni laħqet l-iktar livell baxx fil-bidu tas-sena u f’dawn l-aħħar xhur reġgħet lura f’territorju pożittiv. Skont l-Eurostat, l-inflazzjoni HICP annwali fiż-żona tal-euro kienet 0.2% f’Ġunju 2015, tnaqqis żgħir minn 0.3% f’Mejju. Abbażi tat-tagħrif disponibbli u l-prezzijiet attwali tal-kuntratti ta’ xiri ta’ żejt fil-ġejjieni, l-inflazzjoni annwali mkejla bl-HICP mistennija tibqa’ baxxa fix-xhur li ġejjin u tibda togħla għall-aħħar tas-sena, anki minħabba l-effetti ta’ bażi marbutin mar-roħs fil-prezzijiet taż-żejt lejn tmiem l-2014. Megħjuna mill-irkupru ekonomiku mistenni, l-impatt tar-rata tal-kambju tal-euro aktar baxxa u l-ipotesi inkorporata fis-swieq taż-żejt għall-ġejjieni ta’ prezzijiet taż-żejt xi ftit ogħla fis-snin li ġejjin, ir-rati tal-inflazzjoni huma mistennija jkomplu jogħlew matul l-2016 u l-2017.

Il-Kunsill Governattiv se jkompli josserva mill-qrib ir-riskji għall-prospettiva tal-iżviluppi fil-prezzijiet għal żmien medju. F’dan ir-rigward, se niffukaw b’mod partikolari fuq it-trażmissjoni tal-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, kif ukoll fuq l-iżviluppi ġeopolitiċi, fl-enerġija u fir-rata tal-kambju.

Għal dik li hija l- analiżi monetarja, id-dejta reċenti tikkonferma tkabbir robust fl-aggregat monetarju wiesa’ (M3). Ir-rata tat-tkabbir annwali tal-M3 kienet 5.0% f’Mejju 2015, imqabbla ma’ 5.3% f’April. It-tkabbir annwali fl-M3 qiegħed ikompli jiġi sostnut bil-qawwa mill-komponenti l-aktar likwidi tiegħu, bl-aggregat monetarju ristrett M1 jikber b’rata annwali ta’ 11.2% f’Mejju.

L-iżviluppi fis-self komplew jitjiebu. Ir-rata annwali ta’ bidla fis-self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji (aġġustata għall-bejgħ tas-self u l-assigurazzjoni b’assi eżistenti) żdiedet għal 0.1% f’Mejju, żieda minn -0.1% f’April, u kompliet bl-irkupru gradwali mil-livell minimu ta’ -3.2% fi Frar 2014. Dan huwa konsistenti mal-evidenza pożittiva mill-istħarriġ dwar is-self bankarju għat-tieni trimestru tal-2015. Il-banek irrappurtaw illaxkar nett kontinwu tal-istandards tal-kreditu fuq is-self lill-impriżi, li kien iktar qawwi minn dak mistenni fl-istħarriġ ta’ qablu. Id-domanda netta għas-self lill-impriżi kompliet tiżdied, megħjuna mid-domanda għall-kreditu relatata mal-investiment fiss. Il-frammentazzjoni f’termini ta’ domanda għall-kreditu f’pajjiżi individwali naqset u l-operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal għenu biex jitjiebu t-termini u l-kundizzjonijiet tal-provvista tal-kreditu. Minkejja dan it-titjib, l-iżviluppi fis-self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji għadhom imrażżnin u jkomplu jirriflettu r-relazzjoni staġnata maċ-ċiklu tan-negozju, ir-riskju tal-kreditu, fatturi marbutin mal-provvista tal-kreditu u l-aġġustament kontinwu tal-karti tal-bilanċ tas-settur finanzjarju u s-settur mhux finanzjarju. Ir-rata tat-tkabbir annwali tas-self lil unitajiet domestiċi (aġġustata għall-bejgħ tas-self u l-assigurazzjoni b’assi eżistenti) żdiedet għal 1.4% f’Mejju 2015, wara li kienet 1.3% f’April. B’mod ġenerali, il-miżuri tal-politika monetarja li ħadna minn Ġunju 2014 ’l hawn jipprovdu sostenn ċar għal titjib kemm fil-kundizzjonijiet tas-self għall-impriżi u l-unitajiet domestiċi kif ukoll fil-flussi tal-kreditu fiż-żona tal-euro kollha.

Fil-qosor, kontroverifika tar-riżultati tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja tikkonferma l-ħtieġa li l-politika monetarja tinżamm fid-direzzjoni t-tajba, bl-implimentazzjoni soda tad-deċiżjonijiet tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv. L-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri tal-politika monetarja kollha li ħadna se tipprovdi s-sostenn meħtieġ għall-irkupru ekonomiku taż-żona tal-euro u twassal biex ir-rati tal-inflazzjoni jerġgħu lura b’mod sostnut lejn livelli taħt iżda qrib 2% għal żmien medju.

Il-politika monetarja hija ffukata biex iżżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet għal żmien medju u x-xejra akkomodanti tagħha tgħin fis-sostenn tal-attività ekonomika. Madankollu, sabiex naħsdu l-benefiċċji kollha tal-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, oqsma oħra tal-politika jridu jikkontribwixxu b’mod deċiżiv. Minħabba li l-qgħad strutturali għadu għoli u t-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni għadu baxx fiż-żona tal-euro, l-irkupru ċikliku li għaddej għandu jiġi sostnut b’ politika strutturali effettiva. B’mod partikolari, sabiex jiżdied l-investiment, jinħolqu aktar impjiegi u tikber il-produttività, l-implimentazzjoni tar- riformi fis-swieq tal-prodotti u tax-xogħol kif ukoll l-azzjonijiet biex titjieb il-klima tan-negozju għall-impriżi jeħtiġilhom iżidu r-ritmu f’bosta pajjiżi. L-implimentazzjoni mgħaġġla u effikaċi ta’ dawn ir-riformi, fi klima ta’ politika monetarja akkomodanti, mhijiex se twassal biss għal tkabbir ekonomiku sostenibbli ogħla fiż-żona tal-euro iżda se tkabbar ukoll l-aspettattivi ta’ dħul permanenti ogħla. Il- politika fiskali għandha tgħin l-irkupru ekonomiku filwaqt li tibqa’ konformi mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. L-implimentazzjoni sħiħa u konsistenti tal-Patt hija ta’ importanza kbira għall-fiduċja fil-qafas fiskali tagħna.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja