- STQARRIJA INTRODUTTORJA
KONFERENZA STAMPA
Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 30 ta’ April 2020
Sinjuri, hu pjaċir kbir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Issa se ngħidulkom x'ħareġ mil-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv, fejn kien preżenti wkoll il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni, is-Sur Dombrovskis.
Iż-żona tal-euro qiegħda tiffaċċja kontrazzjoni ekonomika ta’ kobor u veloċità bla preċedent fi żmien ta’ paċi. Il-miżuri biex titrażżan l-imxija tal-coronavirus (COVID-19) waqqfu kważi għalkollox l-attività ekonomika fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro u madwar id-dinja. L-indikaturi tal-istħarriġ dwar is-sentiment tal-konsumaturi u tan-negozju waqgħu f’daqqa waħda, fatt li jissuġġerixxi kontrazzjoni qawwija fit-tkabbir ekonomiku u deterjorament qawwi fil-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. Minħabba l-inċertezza kbira dwar il-kobor aħħari tal-konsegwenzi ekonomiċi, ix-xenarji tat-tkabbir prodotti mill-istaff tal-BĊE jissuġġerixxu li l-PDG taż-żona tal-euro jista’ jonqos bejn 5% u 12% din is-sena, u dan jiddependi b’mod kruċjali fuq it-tul ta’ żmien tal-miżuri ta’ trażżin u s-suċċess tal-politika biex jiittaffew il-konsegwenzi ekonomiċi għan-negozji u għall-ħaddiema. Waqt li l-miżuri ta’ trażżin qed jiġu rtirati ftit ftit, dawn ix-xenarji jipprevedu rkupru fl-attività ekonomika, għalkemm il-veloċità u l-iskala jibqgħu inċerti għall-aħħar. L-inflazzjoni naqset bħala riżultat tat-tnaqqis qawwij fil-prezzijiet taż-żejt u inflazzjoni HICP ftit iktar baxxa minbarra fl-enerġija u l-ikel.
Il-miżuri deċiżivi u maħsuba apposta tal-politika, li ħadna sa minn kmieni f’Marzu pprovdew appoġġ kruċjali għall-ekonomija taż-żona tal-euro u speċjalment għas-setturi l-aktar esposti għall-kriżi. B’mod partikolari, il-miżuri tagħna qed isostnu l-kundizzjonijiet tal-likwidità u qed jgħinu biex isostnu l-fluss tal-kreditu għal familji u intrapriżi, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u biex iżommu kundizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament għas-setturi u l-ġurisdizzjonijiet kollha.
Aħna nilqgħu l-miżuri meħuda mill-gvernijiet taż-żona tal-euro u l-istituzzjonijiet Ewropej biex jiżguraw riżorsi suffiċjenti għall-kura tas-saħħa u biex jipprovdu appoġġ lill-kumpaniji, l-ħaddiema u l-familji milqutgħa. Fl-istess ħin, huma meħtieġa sforzi kontinwi u ambizzjużi, l-aktar permezz ta’ azzjoni ta’ politika konġunta u koordinata, għall-ħarsien kontra r-riskji negattivi u għall-irfid tal-irkupru.
Skont il-mandat tagħna, il-Kunsill Governattiv hu determinat li jjibqa’ jsostni lill-familji u lill-intrapriżi f’dan iż-żmien ta’ tfixkil ekonomiku u inċertezza kbira, biex iħares l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju.
Għaldaqstant, il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jkompli jillaxka l-kundizzjonijiet fuq l-operazzjonijiet target tagħna ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III). Speċifikament, iddeċidejna li nnaqqsu r-rata tal-imgħax fuq operazzjonijiet TLTRO III matul il-perijodu minn Ġunju 2020 sa Ġunju 2021 għal 50 punt bażi taħt ir-rata medja tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament li jkunu prevalenti fl-istess perijodu. Barra minn hekk, għall-kontropartijiet li s-self nett eliġibbli tagħhom jilħaq il-limitu tal-effiċjenza tas-self, ir-rata tal-imgħax matul il-perijodu minn Ġunju 2020 sa Ġunju 2021 issa se tkun ta’ 50 punt bażi taħt ir-rata medja tal-faċilità tad-depożitu li tkun prevalenti fl-istess perijodu.
Iddeċidejna wkoll dwar serje ġdida ta’ operazzjonijiet ta' rifinanzjament mhux target fuq żmien itwal waqt l-emerġenza pandemika (PELTROs) biex isostnu l-kundizzjonijiet tal-likwidità fis-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro u jikkontribwixxu biex jinżamm il-funzjonament bla xkiel tas-swieq monetarji billi jipprovdu lqugħ effettiv ta’ likwidità. Il-PELTROs jikkonsistu minn seba’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament addizzjonali li jibdew f’Mejju 2020 u jimmaturaw f’sekwenza ta’ stadji bejn Lulju u Settembru 2021 skont it-tul ta’ żmien tal-miżuri tagħna għall-illaxkar tal-kollateral. Dawn se jsiru bħala proċeduri ta’ sejħa għall-offerti b’rata fissa b’allokazzjoni sħiħa, b’rata ta’ imgħax li tkun 25 punt bażi taħt ir-rata medja fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament li jkunu prevalenti matul il-validità ta’ kull PELTRO.
Aktar dettalji dwar l-emendi li saru fit-termini tat-TLTRO III u l-PELTROs ġodda tagħna se jiġu pubblikati fi stqarrijiet għall-istampa speċifiċi llum wara nofsinhar fit-15:30 CET.
Mill-aħħar ta’ Marzu bqajna nagħmlu xiri taħt il-programm il-ġdid tagħna ta' xiri waqt l-emerġenza pandemika (PEPP), li jikkonsisti minn pakkett ġenerali ta' €750 biljun, biex jiġi llaxkat l-orjentamenti ġenerali tal-politika monetarja u biex jilqa’ għar-riskji gravi għall-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. u l-prospetti għaż-żona tal-euro maħluqa mill-pandemija tal-coronavirus. Dan ix-xiri se jibqa’ jsir b’mod flessibbli tul iż-żmien, fil-klassijiet kollha tal-assi u fost il-ġurisdizzjonijiet kollha. Se nibqgħu nagħmlu xiri nett ta’ assi taħt il-PEPP sakemm il-Kunsill Governattiv jara li l-fażi kritika tal-coronavirus tkun għaddiet iżda fi kwalunkwe każ sal-aħħar ta’ din is-sena.
Barra dan, xiri nett taħt il-programm tagħna tax-xiri ta’ assi (APP) se jibqa’ jsir kull xahar f’ammont ta’ €20 biljun, flimkien max-xiri taħt il-pakkett temporanju addizzjonali ta’ €120 bijjun sal-aħħar tas-sena. Aħna nibqgħu nistennew li x-xiri nett ta’ kull xahar, ta’ assi taħt l-APP jibqa’ jsir sakemm ikun meħtieġ biex jissaħħaħ l-impatt tal-akkomodament tar-rati tal-politika tagħna, u li jintemm ftit qabel nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE.
Biħsiebna nibqgħu nerġgħu ninvestu l-pagamenti ewlenin kollha mit-titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP għal perijodu estiż ta’ żmien wara d-data meta nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju.
Barra dan, iddeċiedejna li nżommu r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE kif kienu. Aħna nistennew li dawn jibqgħu fil-livelli attwali tagħhom jew f’livelli iżjed baxxi sakemm naraw li l-prospetti tal-inflazzjoni jkunu konverġenti b’mod ċar ma’ livell li jkun qrib biżżejjed, iżda taħt, it-2% fil-perijodu tat-tbassir tagħna, u li din il-konverġenza tkun ġiet riflessa b’mod konsistenti fid-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti.
Flimkien mal-istimolu sostanzjali tal-politika monetarja eżistenti, dawn il-miżuri se jsostnu l-kundizzjonijiet tal-likwidità u l-finanzjament u se jgħinu biex tinżamm provvista ta’ kreditu bla xkiel għall-ekonomija reali. Fl-istess ħin, fl-ambjent ekonomiku li qed jevolvi malajr, il-Kunsill Governattiv jibqa’ impenjat bis-sħiħ biex jagħmel dak kollu meħtieġ fi ħdan il-mandat tiegħu biex jappoġġa liċ-ċittadini kollha taż-żona tal-euro matul dan iż-żmien ta’ sfidi estremi. Dan japplika l-ewwel u qabel kollox għar-rwol tagħna li niżguraw li l-politika monetarja tagħna tiġi trażmessa lill-partijiet kollha tal-ekonomija u lill-ġurisdizzjonijiet kollha fit-twettiq tal-mandat tagħna favur l-istabbiltà tal-prezzijiet. Għalhekk aħna lesti li nżidu d-daqs tal-PEPP u li naġġustaw il-kompożizzjoni tiegħu, kemm ikun meħtieġ u sakemm ikun meħtieġ. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill Governattiv jibqa’ lest biex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni tersaq lejn l-għan tiegħu b’mod sostnut, skont l-impenn tiegħu favur is-simetrija.
Issa se nispjega l-valutazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. L-aħħar indikaturi ekonomiċi u r-riżultati tal-istħarriġ li jkopru l-perijodu minn meta l-coronavirus infirex għaż-żona tal-euro wrew tnaqqis bla preċedent, li jindika kontrazzjoni sinifikanti fl-attività ekonomika taż-żona tal-euro u swieq tax-xogħol li qed jiddeterjoraw malajr. Il-pandemija tal-coronavirus u l-miżuri ta’ trażżin assoċjati affettwaw bil-qawwa s-setturi tal-manifattura u tas-servizzi, u kellhom effett negattiv fuq il-kapaċità produttiva tal-ekonomija taż-żona tal-euro u fuq id-domanda domestika. Fl-ewwel trimestru tal-2020, li ntlaqat parzjalment biss mill-imxija tal-coronavirus, il-PDG reali taż-żona tal-euro naqas bi 3.8% abbażi trimestrali, u dan jirrifletti l-impatt tal-miżuri tal-għeluq tal-biċċa l-kbira tal-attività ekonomika fl-aħħar ġimgħat tat-trimestru. It-tnaqqis qawwi fl-attività ekonomika f’April jissuġġerixxi li l-impatt x'aktarx ikun saħansitra aktar gravi fit-tieni trimestru. Lil hinn mit-tfixkil immedjat li jirriżulta mill-pandemija tal-coronavirus, it-tkabbir taż-żona tal-euro mistenni jerġa’ jibda kif il-miżuri ta’ trażżin jineħħew ftit ftit, bl-appoġġ ta’ kundizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament, l-orjentament fiskali taż-żona tal-euro u bidu ġdid fl-attività globali.
Minħabba l-inċertezza dwar kemm se ttul il-pandemija, hu diffiċli li jsir tbassir dwar il-firxa u t-tul probabbli tar-reċessjoni imminenti u l-irkupru sussegwenti. Madankollu, mingħajr antiċipazzjoni tal-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-israff tal-Eurosistema li jmiss, li se jiġu pubblikati f’Ġunju, ix-xenarji tat-tkabbir prodotti mill-istaff tal-BĊE jissuġġerixxu li l-PDG taż-żona tal-euro jista’ jonqos bejn 5% u 12% din is-sena, segwit minn irkupru u normalizzazzjoni tat-tkabbir fis-snin ta’ wara. Id-daqs tal-kontrazzjoni u l-irkupru jiddependu b'mod kruċjali fuq it-tul ta’ żmien u s-suċċess tal-miżuri ta’ trażżin, fuq kemm il-kapaċità tal-provvista kif ukoll id-domanda domestika jkunu affettwati b’mod permanenti, u fuq is-suċċess tal-politika biex ittaffi l-impatt negattiv fuq id-dħul u l-impjieg.
Skont l-istima preliminari tal-Eurostat, l-inflazzjoni annwali tal-HICP fiż-żona tal-euro naqset minn 0.7% f’Marzu għal 0.4% f'April, l-aktar minħabba inflazzjoni aktar baxxa tal-prezz tal-enerġija, iżda wkoll minħabba inflazzjoni HICP kemxejn iżjed baxxa minbarra l-enerġija u l-ikel. Abbażi tat-tnaqqis qawwi fil-prezzijiet attwali u tal-kuntratti future taż-żejt, l-inflazzjoni ġenerali x’aktarx li tibqa’ tonqos b’mod konsiderevoli fix-xhur li ġejjin. It-tnaqqis qawwi fl-attività ekonomika mistenni jwassal għal effetti negattivi fuq l-inflazzjoni sottostanti tul ix-xhur li ġejjin. Madankollu, l-implikazzjonijiet tal-pandemija tal-coronavirus għall-inflazzjoni fuq żmien medju għadhom inċerti ħafna, billi t-tnaqqis fil-pressjonijiet relatati ma’ domanda aktar dgħajfa jistgħu jitpattew minn pressjonijiet ta’ żieda relatati mat-tfixkil fil-provvista. L-indikaturi tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq żmien itwal abbażi tas-suq baqgħu f’livelli baxxi. Anke jekk l-indikaturi tal-aspettattivi tal-inflazzjoni abbażi tal-istħarriġ naqsu fuq żmien qasir u medju, l-aspettattivi fuq żmien itwal ġew affettwati inqas.
Dwar l-analiżi monetarja: it-tkabbir tal-aggregat monetarju wiesa’ (M3) żdied għal 7.5% f’Marzu 2020 minn 5.5% fi Frar. It-tkabbir monetarju jirrifletti l-ħolqien ta’ kreditu bankarju għas-settur privat, li hu xprunat fil-biċċa l-kbira minn dipendenza fuq linji ta’ kreditu, u spejjeż baxxi ta’ opportunità biex wieħed iżomm M3 meta mqabbel ma’ strumenti finanzjarji oħra, waqt li jidher li l-inċertezza ekonomika ogħla kkawżat bidla favur investimenti monetarji, x'aktarx għal raġunijiet ta’ prekawzjoni. F’dan l-ambjent, l-aggregat monetarju ristrett M1, li jinkludi l-aktar forom monetarji likwidi, għadu l-akbar kontributur għat-tkabbir monetarju wiesa’.
L-iżviluppi fis-self lis-settur privat ġew influwenzati wkoll mill-impatt tal-coronavirus. Ir-rata annwali tat-tkabbir fis-self lill-familji kienet ta’ 3.4% f’Marzu 2020, wara li kienet 3.7% fi Frar, waqt li r-rata annwali tat-tkabbir fis-self lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji kienet ta’ 5,4% f’Marzu wara li kienet ta' 3.0% fi Frar. Dawn l-iżviluppi jidhru b’mod ċar ukoll fir-riżultati tal-istħarriġ dwar is-self bankarju taż-żona tal-euro għall-ewwel trimestru tal-2020, li jindika żieda qawwija fid-domanda tal-intrapriżi għas-self u fid-dipendenza fuq linji ta’ kreditu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ likwidità għall-kapital tax-xogħol, waqt li l-ħtiġijiet ta’ finanzjament għal investiment fiss naqsu. Id-domanda għal self lill-familji għax-xiri ta’ djar żdied inqas mit-trimestru ta’ qabel. L-istandards tal-kreditu għas-self lill-intrapriżi kienu ftit iżjed stretti, waqt li l-istandards tal-kreditu għas-self lill-familji kienu ħafna iżjed stretti. Fiż-żewġ każi, dan kien relatat mad-deterjorament fil-prospetti ekonomiċi u ma’ tnaqqis fl-affidabbiltà kreditizja tal-intrapriżi u tal-familji. Fl-istess ħin, il-banek jistennew tnaqqis fl-istandards tal-kreditu għas-self lill-intrapriżi fit-tieni trimestru tal-2020.
Il-miżuri tal-politika tagħna, speċjalment it-termini aktar favorevoli għall-operazzjonijiet TLTRO III u l-miżuri ta' llaxkar tal-kollateral, għandhom iħeġġu lill-banek biex jestendu s-self għall-entitajiet kollha tas-settur privat. Flimkien mal-miżuri ta’ appoġġ għall-kreditu adottati mill-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej, dawn jappoġġaw aċċess kontinwu għall-finanzjament, inkluż għal dawk l-iktar affettwati mir-ramifikazzjonijiet tal-pandemija tal-coronavirus.
Fil-qosor, kontroverifika tar-riżultat tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat li għadu meħtieġ livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju għall-konverġenza kontinwa u robusta tal-inflazzjoni ma’ livelli li jkunu taħt, iżda qrib it-2% fuq żmien medju.
Fir-rigward tal-politika fiskali, orjentament fiskali ambizzjuż u koordinat hu kruċjali, minħabba l-kontrazzjoni qawwija fl-ekonomija taż-żona tal-euro. Kemm jista’ jkun il-miżuri meħuda għandu jkollhom għan speċifiku u jkunu ta’ natura temporanja b’reazzjoni għall-emerġenza pandemika. Aħna nilqgħu l-approvazzjoni tal-Kunsill Ewropew għall-Ftehim tal-Eurogroup dwar it-tliet xbieki ta’ sigurtà għall-ħaddiema, in-negozji u l-awtoritajiet, li jammonta għal pakkett b’valur ta’ €540 biljun. Fl-istess ħin, il-Kunsill Governattiv iħeġġeġ biex isiru aktar sforzi qawwija u f'waqthom biex iħejju u jsostnu l-irkupru. F'dan ir-rigward, nilqgħu l-ftehim tal-Kunsill Ewropew li jaħdem biex jistabbilixxi fond ta’ rkupru dedikat għall-ġestoni ta’ din il-kriżi mingħajr preċedent.
Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja