Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA INTRODUTTORJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 16 ta’ Lulju 2020

Sinjuri, hu pjaċir kbir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Issa se ngħidulkom x’ħareġ mil-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv, fejn kien preżenti wkoll il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni, is-Sur Dombrovskis.

L-informazzjoni li daħħlet mill-aħħar laqgħa tal-politika monetarja tagħna fil-bidu ta’ Ġunju tindika li reġgħet bdiet l-attività ekonomika taż-żona tal-euro, għalkemm il-livell ta’ attività jibqa' ferm inqas mil-livelli li kienu jeżistu qabel il-pandemija tal-koronavirus (COVID-19) u l-prospettivi għadhom inċerti ħafna. Kemm l-indikaturi ta’ frekwenza għolja kif ukoll dawk tal-istħarriġ waqgħu fil-livell l-aktar baxx f’April u wrew irkupru sinifikanti, għalkemm irregolari u parzjali, f'Mejju u f’Ġunju, flimkien mat-trażżin kontinwu tal-virus u t-tnaqqis tal-miżuri tal-lockdown. Fl-istess ħin, telf ta’ impjiegi u dħul attwali u mistenni u l-inċertezza eċċezzjonalment elevata dwar l-evoluzzjoni tal-pandemija u l-prospetti ekonomiċi jkomplu jkunu ta’ piż fuq l-infiq tal-konsumatur u l-investiment fin-negozju. Filwaqt li l-inflazzjoni ewlenija qed tiġi mrażżna bi prezzijiet aktar baxxi tal-enerġija u pressjonijiet fuq il-prezzijiet huma mistennija jibqgħu mrażżna ħafna minħabba t-tnaqqis qawwi fit-tkabbir tal-PDG reali u ż-żieda sinifikanti assoċjata fl-andament kajman tal-ekonomija.

F’dan l-isfond, għad hemm bżonn ta’ stimolu monetarju wiesa’ biex jappoġġja l-irkupru ekonomiku u biex tkun issalvagwardjata l-istabbiltà tal-prezzijiet għal żmien medju. Għaldaqstant, iddeċidejna li nikkonfermaw mill-ġdid il-pożizzjoni akkomodattiva ħafna tal-politika monetarja tagħna.

Iddeċidejna li nżommu r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE kif kienu. Aħna nistennew li dawn jibqgħu fil-livelli attwali tagħhom jew f’livelli iżjed baxxi sakemm naraw li l-prospetti tal-inflazzjoni jkunu konverġenti b’mod ċar ma’ livell li jkun qrib biżżejjed, iżda taħt, it-2% fil-perijodu tat-tbassir tagħna, u li din il-konverġenza tkun ġiet riflessa b’mod konsistenti fid-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti.

Se nkomplu x-xiri tagħna taħt il-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) b’pakkett totali ta’ € 1,350 biljun. Dan ix-xiri jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-pożizzjoni ġenerali tal-politika monetarja u b’hekk jgħin biex tiġi kkumpensata l-bidla ’l isfel relatata mal-pandemija fit-triq tal-inflazzjoni mbassra. Ix-xiri se jibqa’ jsir b’mod flessibbli tul iż-żmien, fil-klassijiet kollha tal-assi u fost il-ġurisdizzjonijiet kollha. Dan jippermettilna nilqgħu b’mod effettiv għar-riskji għat-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Aħna ser inwettqu x-xiri nett ta’ assi taħt il-PEPP sa mill-inqas sal-aħħar ta’ Ġunju 2021 u, fi kwalunkwe każ, sakemm il-Kunsill Governattiv iqis li l-fażi ta’ kriżi tal-koronavirus intemmet. Aħna se nerġgħu ninvestu l-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-inqas l-aħħar tal-2022. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

Xiri nett taħt il-programm tagħna tax-xiri ta’ assi (APP) se jibqa’ jsir kull xahar f’ammont ta’ €20 biljun, flimkien max-xiri taħt il-pakkett temporanju addizzjonali ta’ €120 biljun sal-aħħar tas-sena. Aħna nibqgħu nistennew li x-xiri nett ta’ kull xahar, ta’ assi taħt l-APP jibqa’ jsir sakemm ikun meħtieġ biex jissaħħaħ l-impatt tal-akkomodament tar-rati tal-politika tagħna, u li jintemm ftit qabel nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE. Aħna fiħsiebna nkomplu ninvestu mill-ġdid, għalkollox, il-ħlasijiet prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt l-APP għal perjodu estiż ta’ żmien wara d-data meta nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli u grad wiesa’ ta’ akkomodament monetarju.

Ser inkomplu nipprovdu wkoll likwidità wiesgħa permezz tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tagħna. B’mod partikolari, l-aħħar operazzjoni fit-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III) irreġistrat adozzjoni għolja ħafna ta’ fondi, li tappoġġa s-self bankarju lil impriżi u unitajiet domestiċi.

Il-miżuri tal-politika monetarja li ħadna sa minn kmieni f’Marzu qed jipprovdu appoġġ kruċjali biex jirfed l-irkupru tal-ekonomija taż-żona tal-euro u biex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà tal-prezzijiet għal żmien medju. B’mod partikolari, jappoġġjaw il-kundizzjonijiet ta’ likwidità u finanzjament fl-ekonomija, jgħinu biex isostnu l-fluss ta’ kreditu għal unitajiet domestiċi u impriżi, u jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli għas-setturi u l-ġurisdizzjonijiet kollha. Fl-istess ħin, fl-ambjent kurrenti ta’ inċertezza għolja u ekonomija kajmana ħafna, il-Kunsill Governattiv jibqa’ impenjat bis-sħiħ biex jagħmel dak kollu meħtieġ fi ħdan il-mandat tiegħu biex jappoġġa liċ-ċittadini kollha taż-żona tal-euro matul dan iż-żmien ta’ sfidi estremi. Dan japplika l-ewwel u qabel kollox għar-rwol tagħna li niżguraw li l-politika monetarja tagħna tiġi trażmessa lill-partijiet kollha tal-ekonomija u lill-ġurisdizzjonijiet kollha fit-twettiq tal-mandat tagħna favur l-istabbiltà tal-prezzijiet. Għalhekk, il-Kunsill Governattiv jibqa’ lest biex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif ikun xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni tersaq lejn l-għan tiegħu b’mod sostnut, skont l-impenn tiegħu għas-simetrija.

Issa se nispjega l-valutazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. Id-dejta u r-riżultati tal-istħarriġ li deħlin jissuġġerixxu li l-attività ekonomika tjiebet b’mod sinifikanti f’Mejju u Ġunju mill-aktar livell baxx tagħha f’April, flimkien mat-trażżin kontinwu tal-virus u l-miżuri assoċjati ta’ tnaqqis tal-miżuri tal-lockdown. Fl-istess ħin, l-indikaturi ekonomiċi jibqgħu taħt sew il-livelli rreġistrati qabel il-pandemija, u l-irkupru jinsab fl-istadji bikrin tiegħu u jibqa’ irregolari fost is-setturi u l-ġurisdizzjonijiet. Wara li naqas bi 3.6%, trimestru bi trimestru, fl-ewwel trimestru tal-2020, il-PDG reali taż-żona tal-euro huwa mistenni li jonqos b’mod aktar globali fit-tieni trimestru, ġeneralment f'konformità mal-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-Eurosistema ta' Ġunju 2020. Ħarġu sinjali ta’ rkupru fil-konsum, filwaqt li kien hemm ukoll irpiljar sinifikanti fil-produzzjoni industrijali. Fl-istess ħin, kundizzjonijiet kajmana tas-suq tax-xogħol u tfaddil prekawzjonarju tal-unitajiet domestiċi qed ikunu ta’ piż fuq l-infiq tal-konsumatur. Il-prospetti tan-negozju dgħajjef u l-inċertezza għolja qed inaqqsu l-investiment, filwaqt li d-dgħufija fl-ekonomija globali qed tfixkel id-domanda barranija għal prodotti u servizzi taż-żona tal-euro.

L-attività taż-żona tal-euro hija mistennija tibda tirpilja fit-tielet trimestru hekk kif il-miżuri ta’ trażżin jittaffew aktar, sostnuti minn kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli, pożizzjoni fiskali espansjonista u terġa’ tibda l-attività globali, għalkemm l-inċertezza fil-veloċità u l-iskala ġenerali tal-irpiljar tibqa’ għolja. B’mod ġenerali, il-medda tal-kontrazzjoni u l-irkupru jiddependu b’mod kruċjali fuq it-tul u l-effettività tal-miżuri ta’ trażżin, is-suċċess tal-politiki biex itaffu l-impatt negattiv fuq id-dħul u l-impjiegi, u l-punt sa fejn il-kapaċità tal-provvista u d-domanda domestika huma affettwati b’mod permanenti. Inġenerali, il-Kunsill Governattiv iqis li l-bilanċ tar-riskji fil-prospetti tat-tkabbir taż-żona tal-euro jibqgħu negattivi.

Skont il-kalkolu preliminari tal-Eurostat, l-inflazzjoni annwali fiż-żona tal-euro mkejla bl-Indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (Harmonised Index of Consumer Prices – HICP) żdiedet għal 0.3% f’Ġunju, minn 0.1% f’Mejju, li jirrifletti l-iktar tnaqqis fl-inflazzjoni tal-prezz tal-enerġija. Fuq il-bażi tal-prezzijiet kurrenti u futuri għaż-żejt u wara li jitqies it-tnaqqis temporanju fir-rata tal-VAT Ġermaniża, l-inflazzjoni ewlenija x’aktarx tonqos mill-ġdid fix-xhur li ġejjin qabel ma terġa titla’ kmieni fl-2021. Fuq medda medja ta’ żmien, domanda aktar dgħajfa se titfa’ pressjoni ’l isfel fuq l-inflazzjoni, li se tkun parzjalment ikkumpensata minn pressjonijiet ’il fuq relatati mal-limitazzjonijiet tal-provvista. L-indikaturi bbażati fuq is-suq tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq żmien itwal komplew jiżdiedu mil-livelli baxxi storiċi milħuqa f'nofs Marzu, iżda b’mod ġenerali jibqgħu f’livelli mrażżna. Filwaqt li l-indikaturi bbażati fuq l-istħarriġ dwar l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni naqsu mill-bidu tal-pandemija, l-aspettattivi fuq żmien itwal ġew affettwati inqas mill-aspettattivi fuq żmien qasir u medju.

Dwar l-analiżi monetarja: it-tkabbir tal-aggregat monetarju wiesa’ (M3) żdied għal 8.9% f’Mejju 2020 minn 8.2% f’April. Tkabbir qawwi tal-flus jirrifletti l-ħolqien ta’ kreditu bankarju, li jkompli jkun xprunat fil-biċċa l-kbira mill-bżonnijiet akuti ta’ likwidità fl-ekonomija. Barra minn hekk, inċertezza ekonomika għolja qed twassal għal bidla lejn investimenti tal-flus għal raġunijiet ta’ prekawzjoni. F’dan l-ambjent, l-aggregat monetarju ristrett M1, li jinkludi l-aktar forom monetarji likwidi, għadu l-akbar kontributur għat-tkabbir monetarju wiesa’.

L-iżviluppi fis-self lis-settur privat baqgħu jiġu influwenzati mill-impatt tal-koronavirus fuq l-attività ekonomika. Ir-rata ta’ tkabbir annwali ta’ self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji żdiedet aktar għal 7.3% f'Mejju 2020, ’il fuq minn 6.6% f’April, li jirrifletti l-ħtieġa tal-impriżi li jiffinanzjaw in-nefqiet kontinwi tagħhom u l-kapital tax-xogħol fil-kuntest ta’ dħul li għadu anemiku. Fl-istess ħin, ir-rata ta’ tkabbir annwali tas-self lill-unitajiet domestiċi baqgħet ma nbidlitx fi 3.0% f’Mejju, wara li naqset għal xahrejn konsekuttivi, fost restrizzjonijiet kontinwi fuq il-konsum.

Ir-riżultati tal-istħarriġ dwar is-self mill-banek taż-żona tal-euro għat-tieni trimestru tal-2020 jipprovdu għarfien ieħor dwar dawn l-iżviluppi. Fir-rigward tal-impriżi, dawn wrew impatt qawwi kontinwu ’l fuq tal-pandemija fuq id-domanda għal self, prinċipalment immexxija minn ħtiġijiet ta’ likwidità ta’ emerġenza, filwaqt li l-ħtiġijiet ta’ finanzjament għal investiment fiss naqsu. L-istandards ta’ kreditu fuq self lill-impriżi baqgħu ġeneralment l-istess. L-impatt tal-issikkar tad-deterjorament fil-prospetti ekonomiċi u t-tnaqqis assoċjat fl-affidabbiltà kreditizja tal-impriżi kien ġeneralment ikkumpensat mill-effetti ta’ taffija tal-miżuri ta’ politika, b’mod partikolari l-miżuri ta’ sostenn tal-likwidità tal-BĊE u l-garanziji tal-gvern fuq is-self. Madankollu, b’ħarsa ’l quddiem, il-banek jistennew issikkar nett tal-istandards ta’ kreditu fuq self lill-impriżi, parzjalment relatati mat-tmiem mistenni tal-iskemi ta’ garanzija tal-istat. Fir-rigward tas-self lill-unitajiet domestiċi, l-istandards tal-kreditu ssikkaw, li jirriflettu b’mod partikolari deterjorazzjoni fid-dħul tal-unitajiet domestiċi u l-prospetti tal-impjiegi fil-kuntest tal-pandemija.

Inġenerali, il-miżuri tal-politika tagħna, flimkien mal-miżuri adottati mill-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej ser ikomplu jappoġġaw aċċess għall-finanzjament, inkluż għal dawk l-iktar affettwati mir-ramifikazzjonijiet tal-pandemija.

Fil-qosor, kontroverifika tal-eżitu tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat li għadu meħtieġ livell wiesa’ ta’ akkomodament monetarju għall-konverġenza kontinwa u robusta tal-inflazzjoni ma’ livelli li jkunu taħt, iżda qrib it-2% fuq żmien medju.

Fir-rigward tal-politika fiskali, pożizzjoni fiskali ambizzjuża u koordinata tibqa’ kruċjali, minħabba l-kontrazzjoni qawwija fl-ekonomija taż-żona tal-euro. Miżuri meħuda bħala reazzjoni għall-emerġenza pandemika għandhom, kemm jista’ jkun, ikunu mmirati u temporanji ta’ natura. It-tliet xbieki tas-sigurtà approvati mill-Kunsill Ewropew għall-ħaddiema, in-negozji u s-sovrani, li jammontaw għal pakkett li jiswa €540 biljun, jipprovdu appoġġ ta’ finanzjament importanti f’dan il-kuntest. Fl-istess ħin, il-Kunsill Governattiv iħeġġeġ biex isiru aktar sforzi qawwija u f’waqthom biex iħejju u jsostnu l-irkupru. Għalhekk nilqgħu bi pjaċir kbir il-proposta Next Generation EU tal-Kummissjoni Ewropea għal pjan ta’ rkupru, li hu ddedikat għall-appoġġ tar-reġjuni u s-setturi li ntlaqtu l-iktar severament mill-pandemija, għat-tisħiħ tas-Suq Uniku u għall-bini ta’ rkupru dejjiemi u għani. Huwa importanti għall-mexxejja Ewropej li jaqblu malajr fuq pakkett ambizzjuż.

Sabiex tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha, il-Faċilità ta’ Irkupru u Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea għandha tkun imsejsa sewwa f’politiki strutturali sodi mfassla u implimentati fil-livell nazzjonali. Politiki strutturali mfassla tajjeb jistgħu jikkontribwixxu għal irkupru aktar mgħaġġel, aktar b’saħħtu u aktar uniformi mill-kriżi, u b’hekk jappoġġjaw l-effikaċja tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro. Politiki strutturali mmirati huma partikolarment importanti biex jagħtu nifs ġdid lill-ekonomiji tagħna, b’enfasi fuq l-aċċelerazzjoni tal-investiment f'oqsma ta’ prijorità bħalma huma t-tranżizzjonijiet ħodor u diġitali.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja