Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

KONFERENZA STAMPA

Mario Draghi, President tal-BĊE,
Vítor Constâncio, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 26 ta’ April 2018

STQARRIJA INTRODUTTORJA

Sinjuri, hu l-pjaċir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Se nagħtukom rapport fuq il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv.

Wara l-analiżi regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, ħadna d-deċiżjoni li nżommu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE kif inhuma. Għadna naħsbu li dawn jibqgħu fil-livelli attwali għal perijodu estiż ta’ żmien, u lil hinn sew mill-perijodu tal-akkwist nett ta’ assi min-naħa tagħna.

Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, nikkonfermaw li l-akkwist nett ta' assi, fl-ammont attwali ta' kull xahar ta’ €30 biljun hu maħsub li jibqa’ jsir sal-aħħar ta’ Settembru 2018 jew wara, jekk ikun meħtieġ, u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu fir-rigward tal-inflazzjoni. L-Eurosistema se tibqa' terġa’ tinvesti l-pagamenti ewlenin mit-titoli li mmaturaw u li kienu nxtraw taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi għal perijodu estiż wara li jintemm ix-xiri nett ta’ assi, u f’kull każ, sakemm dan ikun meħtieġ. Dan se jikkontribwixxi hemm għal kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità kif ukoll għal orjentament xieraq tal-politika monetarja.

Wara tliet trimestri ta' tkabbir ogħla milli kien mistenni, l-informazzjoni li waslet mill-aħħar laqgħa tagħna fil-bidu ta' Marzu tindika xi moderazzjoni, waqt li baqgħat konsistenti ma' espansjoni soda u mifruxa tal-ekonomija taż-żona tal-euro. Il-qawwa bażi tal-ekonomija taż-żona tal-euro qed issostni l-fiduċja tagħna li l-inflazzjoni se tkun konverġenti mal-għan tagħna għal inflazzjoni taħt, iżda qrib it-2% fuq żmien medju. Fl-istess ħin, il-miżuri tal-inflazzjoni bażi għadhom ġeneralment f'livelli mrażżna u għad iridu jagħtu sinjali konvinċenti ta' xejra sostnuta ta' tkabbir. F'dan il-kuntest, il-Kunsill Governattiv se jkompli jissorvelja l-iżviluppi fir-rata tal-kambju u kundizzjonijiet finanzjarji oħra fir-rigward tal-implikazzjonijiet tagħhom għall-prospetti tal-inflazzjoni. B'mod ġenerali, għad jinħtieġ livell sostanzjali ferm ta’ stimolu monetarju biex il-pressjonijiet tal-inflazzjoni bażi jkomplu jikbru u jsostnu l-iżviluppi tal-inflazzjoni ġenerali fuq żmien medju. Dan is-sostenn monetarju kontinwu jiġi pprovdut permezz tax-xiri nett ta' assi, mill-istokk konsiderevoli ta' assi akkwistati u l-investiment mill-ġdid kontinwu u futur, u mill-indikazzjonijiet tagħna għall-ġejjieni dwar ir-rati tal-imgħax.

Issa se nispjega l-valutazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. Il-PDG reali żdied b’0.7% fuq bażi trimestrali fir-raba’ trimestru tal-2017, wara tkabbir simili fit-trimestru preċedenti. Dan wassal għal rata medja ta' tkabbir annwali ta' 2.4% fl-2017 – l-ogħla rata mill-2007. L-iżjed indikaturi ekonomiċi reċenti jissuġġerixxu xi ftit moderazzjoni fir-ritmu tat-tkabbir mill-bidu tas-sena. Din il-moderazzjoni tista' tirrifletti parzjalment tnaqqis mir-ritmu għoli ta' tkabbir osservat fi tmiem is-sena li għaddiet, waqt li jista' jkun hemm ukoll l-impatt ta' fatturi temporanji. Madankollu, b'mod ġenerali, it-tkabbir mistenni jibqa' sod u mifrux. Il-miżuri tal-politika monetarja tagħna li ffaċilitaw il-proċess ta' deleveraging għandhom jibqgħu jsostnu d-domanda domestika. Il-konsum privat hu sostnut minn żieda kontinwa fl-impjiegi, li min-naħa tagħhom jirriflettu parzjalment ir-riformi tal-imgħoddi fis-suq tax-xogħol, u mill-ġid tal-individwi li qed jiżdied. L-investiment tan-negozju qed ikompli jissaħħaħ bħala riżultat ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli ħafna, żieda fil-profitabilità korporattiva u domanda qawwija. L-investiment fid-djar qed ikompli jitjieb. Barra dan, l-espansjoni globali mifruxa qed tipprovdi stimolu għall-esportazzjoni taż-żona tal-euro.

Ir-riskji għall-perspettiva ta' tkabbir fiż-żona tal-euro għadhom ġeneralment ibbilanċjati. Madankollu, ir-riskji relatati ma' fatturi globali, inkluża t-theddida ta' iżjed protezzjoniżmu, saru iżjed prominenti.

L-inflazzjoni annwali HICP taż-żona tal-euro żdiedet għal 1.3% f'Marzu 2018, minn 1.1% fi Frar. Dan irrifletta l-iżjed inflazzjoni ogħla fil-prezzijiet tal-ikel. Abbażi tal-prezzijiet attwali tal-kuntratti future taż-żejt, ir-rati annwali tal-inflazzjoni ġenerali x'aktarx se jibqgħu madwar 1.5% għall-bqija tas-sena. Il-miżuri tal-inflazzjoni bażi għadhom ġeneralment f'livelli mrażżna. Ħarsa 'l quddiem turi li hu mistenni li jibqgħu jogħlew ftit ftit fuq żmien medju, sostnuti mill-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, l-espansjoni ekonomika kontinwa, l-assorbiment korrispondenti tan-nuqqas ta’ attività ekonomika u t-tkabbir fil-pagi.

Għal dik li hi l-analiżi monetarja, l-aggregat monetarju wiesa’ (M3) baqa’ jespandi b’ritmu qawwi, b’rata annwali ta’ tkabbir ta’ 4.2% fi Frar 2018, ftit inqas mill-iskala ristretta osservata sa min-nofs l-2015. It-tkabbir tal-M3 għadu jirrifletti l-impatt tal-miżuri tal-politika monetarja tal-BĊE u l-ispiża baxxa meta jinżammu l-iżjed depożiti likwidi. F'dan is-sens, l-aggregat monetarju ristrett M1 baqa' l-kontributur ewlieni għat-tkabbir monetarju wiesa’, b'rata annwali ta' espansjoni qawwija.

L-irkupru fit-tkabbir tas-self lis-settur privat osservat sa mill-bidu tal-2014 għadu għaddej. Ir-rata annwali tat-tkabbir fis-self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji kienet ta' 3.1% fi Frar 2018, wara li kienet 3.4% f'Jannar u 3.1% f'Diċembru 2017, waqt li r-rata annwali tat-tkabbir fis-self lill-individwi baqgħat kif kienet fil-livell ta' 2.9%. L-istħarriġ dwar is-self bankarju fiż-żona tal-euro għall-ewwel trimestru tal-2018 jindika li t-tkabbir fis-self għadu sostnut minn domanda dejjem tikber fil-kategoriji kollha tas-self u minn kundizzjonijiet iżjed favorevoli tas-self bankarju ġenerali fir-rigward ta' self lill-intrapriżi u self għax-xiri ta' djar.

It-trażmissjoni tal-miżuri tal-politika monetarja li ħadna minn Ġunju 2014 ’l hawn għadha qed issostni b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tas-self lill-intrapriżi u lill-individwi, l-aċċess għall-finanzjament ‒ b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju ‒ u l-flussi ta’ kreditu fiż-żona tal-euro kollha.

Fil-qosor, kontroverifika tal-konklużjonijiet tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet ġejjin mill-analiżi monetarja kkonfermat il-ħtieġa ta' livell sostanzjali ta’ akkomodament monetarju biex jiġi żgurat li r-rati tal-inflazzjoni jerġgħu lura b’mod sostnut għal livelli li jkunu taħt, iżda qrib, it-2% fuq żmien medju.

Biex jitgawdew il-benefiċċji kollha li jirriżultaw mill-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, oqsma oħra ta’ politika għandhom jikkontribwixxu b’mod deċiżiv biex iżidu l-potenzjal ta' tkabbir fuq żmien itwal u jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet. L-implimentazzjoni ta' riformi strutturali fil-pajjiżi taż-żona tal-euro jeħtieġ li titħaffef b’mod sostanzjali biex tiżdied il-kapaċità ta' rkupru mill-iskossi, jonqos il-qgħad strutturali u tingħata spinta lill-produttività u l-potenzjal ta' tkabbir taż-żona tal-euro. Fuq l-isfond ta' implimentazzjoni ġenerali limitata tar-rakkomandazzjonijiet lill-pajjiżi individwali fl-2017, jinħtieġ isir sforz akbar għar-riformi fil-pajjiżi taż-żona tal-euro. Dwar il-politika fiskali, l-espansjoni kontinwa u mifruxa titlob il-bini mill-ġdid ta' bafers fiskali. Dan hu partikolarment importanti f'pajjiżi fejn id-dejn tal-gvern għadu għoli. Il-pajjiżi kollha jistgħu jgawdu minn sforzi intensifikati biex jiksbu kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi li tiffavorixxi aktar it-tkabbir. Implimentazzjoni sħiħa, trasparenti u konsistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u tal-proċedura tal-iżbilanċ makroekonomiku maż-żmien u fil-pajjiżi kollha għadha essenzjali biex issaħħaħ il-kapaċità ta' rkupru mill-iskossi fl-ekonomija taż-żona tal-euro. It-titjib fil-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għadu prijorità. Il-Kunsill Governattiv iħeġġeġ passi speċifiċi u deċiżivi biex jitlestew l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq tal-kapital.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja