Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

KONFERENZA STAMPA

Mario Draghi, President tal-BĊE,
Vítor Constâncio, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 26 ta’ Ottubru 2017

STQARRIJA INTRODUTTORJA

Sinjuri, hu l-pjaċir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Issa se nagħtukom rapport fuq il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv, li għaliha attenda wkoll il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Dombrovskis.

Wara l-analiżi regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, illum għamilna evalwazzjoni komprensiva tal-perspettiva għall-inflazzjoni, ir-riskji għal din il-perspettiva u l-pożizzjoni tagħna dwar il-politika monetarja. Għalhekk, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjonijiet li ġejjin biex jilħaq l-għan tiegħu ta’ stabbiltà fil-prezzijiet.

L-ewwel, ir-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE baqgħu l-istess u għadna nipprevedu li jibqgħu fil-livelli attwali għal perijodu estiż ta’ żmien, u sew wara li jintemm il-perijodu tal-akkwist nett ta’ assi min-naħa tagħna.

It-tieni, għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, se nkomplu bl-akkwisti fil-programm tax-xiri ta’ assi (APP) bir-ritmu attwali ta’ €60 biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ Diċembru 2017. Minn Jannar 2018, l-akkwist nett ta’ assi hu maħsub li jkompli bir-ritmu ta’ €30 biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ Settembru 2018 jew iżjed, jekk ikun meħtieġ, u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu għall-inflazzjoni. Jekk il-prospettiva ssir inqas favorevoli jew jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji ma jibqgħux konsistenti mal-progress lejn aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni, ninsabu lesti nkabbru l-programm APP f'termini ta' daqs u/jew ta' tul ta’ żmien.

It-tielet, l-Eurosistema se terġa’ tinvesti l-pagamenti ewlenin mit-titoli li mmaturaw u li kienu nxtraw taħt l-APP għal perijodu itwal wara li jintemm ix-xiri nett ta’ assi, u f’kull każ, sakemm dan ikun meħtieġ. Dan se jgħin kemm biex ikun hemm kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli kif ukoll biex l-orjentament tal-politika monetarja jkun wieħed xieraq.

Ir-raba', iddeċidejna wkoll li nkomplu mmexxu l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u dawk għal żmien itwal ta’ tliet xhur bil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti b’rata fissa u allokazzjoni sħiħa sakemm ikun meħtieġ, u mill-anqas sa tmiem l-aħħar perijodu ta’ żamma tar-riżervi tal-2019.

Id-deċiżjonijiet tal-lum dwar il-politika monetarja ttieħdu biex jinżammu l-kundizzjonijiet favorevoli ħafna tal-finanzjament li għadhom meħtieġa biex ir-rati tal-inflazzjoni jerġgħu lura b'mod sostnut għal livelli taħt, iżda qrib, it-2%. Il-kalibrar mill-ġdid tax-xiri ta' assi jirrifletti l-fatt li qed tiżdied il-fiduċja fil-konverġenza gradwali tar-rati tal-inflazzjoni lejn l-għan tagħna għall-inflazzjoni, bħala riżultat ta' espansjoni ekonomika li qed iżżid fil-qawwa u l-firxa, żieda żgħira f'miżuri tal-inflazzjoni bażi u t-trażmissjoni effettiva kontinwa tal-miżuri tal-politika tagħna għall-kundizzjonijiet tal-finanzjament fl-ekonomija reali. Fl-istess ħin, il-pressjonijiet tal-prezzijiet domestiċi għadhom ġeneralment dgħajfa u l-prospettiva ekonomika u x-xejra tal-inflazzjoni għadhom jiddependu mis-sostenn kontinwu tal-politika monetarja. Għalhekk, għad jinħtieġ livell sostanzjali ferm ta’ stimolu monetarju biex il-pressjonijiet tal-inflazzjoni bażi jkomplu jikbru u jsostnu l-iżviluppi tal-inflazzjoni ġenerali għal żmien medju. Dan is-sostenn monetarju kontinwu jiġi pprovdut permezz ta' xiri nett addizzjonali ta' assi, l-istokk konsiderevoli ta' assi akkwistati u l-investiment mill-ġdid li se jsir, u l-indikazzjonijiet tagħna għall-ġejjieni dwar ir-rati tal-imgħax.

Issa se nispjega l-evalwazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. L-espansjoni ekonomika fiż-żona tal-euro għadha soda u mifruxa sew. Il-PDG reali żdied b’0.7%, fuq bażi trimestrali, fit-tieni trimestru tal-2017, wara li kien żdied b’0.6% fl-ewwel trimestru. L-aħħar dejta u riżultati tal-istħarriġ jindikaw ritmu dinamiku ta' tkabbir fit-tieni nofs ta’ din is-sena. Il-miżuri tal-politika monetarja tagħna ffaċilitaw il-proċess ta' deleveraging u għadhom qed isostnu d-domanda domestika. Il-konsum privat hu sostnut minn żieda fl-impjieg, li qed jibbenefika wkoll mir-riformi tal-imgħoddi fis-suq tax-xogħol, u mill-ġid tal-individwi li qed jiżdied. It-titjib fl-investiment tan-negozju għadu qed igawdi mill-kundizzjonijiet tassew favorevoli tal-finanzjament u t-titjib fil-profitabilità korporattiva. L-investiment fil-kostruzzjoni tqawwa wkoll. Barra dan, l-irkupru globali mifrux qed isostni l-esportazzjoni taż-żona tal-euro.

Ir-riskji għall-prospettiva ta' tkabbir fiż-żona tal-euro għadhom ġeneralment ibbilanċjati. Min-naħa l-waħda, ir-ritmu ċikliku qawwi, kif jidher mill-iżviluppi reċenti fl-indikaturi tas-sentiment, jista' jwassal għal aktar sorpriżi ta' tkabbir pożittiv. Min-naħa l-oħra, għad hemm riskji ta' tnaqqis relatati primarjament ma' fatturi globali u żviluppi fis-swieq tal-kambju barrani.

L-inflazzjoni HICP annwali taż-żona tal-euro baqgħat l-istess f'livell ta' 1.5% f'Settembru. Għall-futur, abbażi tal-prezzijiet attwali tal-kuntratti future taż-żejt, ir-rati annwali tal-inflazzjoni ġenerali x'aktarx se jonqsu lejn tmiem is-sena u l-bidu tas-sena d-dieħla, u dan jirrifletti primarjament l-effetti bażi fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-istess ħin, il-miżuri tal-inflazzjoni bażi żdiedu moderatament mill-bidu tal-2017, iżda għad iridu jagħtu sinjali iżjed konvinċenti ta' xejra sostnuta ta' tkabbir. It-tkabbir fil-pagi żdied xi ftit, iżda l-pressjonijiet fuq l-ispejjeż domestiċi għadhom ġeneralment imrażżna. L-inflazzjoni bażi fiż-żona tal-euro mistennija tibqa' togħla gradwalment fi żmien medju, sostnuta mill-miżuri tagħna tal-politika monetarja, l-espansjoni ekonomika kontinwa, l-assorbiment gradwali korrispondenti tan-nuqqas ta’ attività ekonomika u t-tkabbir fil-pagi.

Għal dik li hi l-analiżi monetarja, l-aggregat monetarju wiesa’ (M3) għadu qed jespandi b’ritmu qawwi, b’rata annwali ta’ tkabbir ta’ 5.1% f’Settembru 2017, wara 5.0% f’Awwissu. Bħal fix-xhur ta’ qabel, it-tkabbir annwali fl-M3 kien sostnut prinċipalment mill-iżjed komponenti likwidi tiegħu, bl-aggregat monetarju ristrett M1 jespandi b’rata annwali ta’ 9.7% f’Settembru, żieda minn 9.5% f’Awwissu.

L-irkupru fit-tkabbir tas-self lis-settur privat osservat sa mill-bidu tal-2014 għadu għaddej. Ir-rata annwali tat-tkabbir fis-self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji żdiedet għal 2.5% f'Settembru 2017, wara 2.4% f'Awwissu, waqt li r-rata annwali tat-tkabbir fis-self lill-individwi baqgħat stabbli fil-livell ta' 2.7%. L-istħarriġ dwar is-self bankarju fiż-żona tal-euro għat-tielet trimestru tal-2017 jindika li d-domanda netta għas-self baqgħat tiidied għall-kategoriji kollha tas-self. L-istandards tal-kreditu komplew jillaxkaw għas-self lill-individwi, waqt li baqgħu bejn wieħed u ieħor kif kienu għas-self lill-intrapriżi. It-termini u kundizzjonjiet ġenerali tal-banek għal self ġdid komplew jillaxkaw għall-katergoriji kollha ta' self.

It-trażmissjoni tal-miżuri tal-politika monetarja li ħadna minn Ġunju 2014 ’l hawn għadha qed issostni b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tas-self lill-intrapriżi u lill-individwi, l-aċċess għall-finanzjament ‒ b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju ‒ u l-flussi ta’ kreditu fiż-żona tal-euro kollha.

Fil-qosor, kontroverifika tal-konklużjonijiet tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet ġejjin mill-analiżi monetarja kkonfermat il-ħtieġa li jiġu kalibrati mill-ġdid l-istrumenti tal-politika biex jiġi żgurat il-livell ta’ akkomodament monetarju meħtieġ biex jiġi żgurat li r-rati tal-inflazzjoni jerġgħu lura b’mod sostnut għal livelli li jkunu taħt, iżda qrib, it-2%.

Biex jitgawdew il-benefiċċji kollha li jirriżultaw mill-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, oqsma oħra ta’ politika għandhom jikkontribwixxu b’mod deċiżiv biex isaħħu l-potenzjal ta' tkabbir fuq żmien twil u jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet. L-implimentazzjoni ta' riformi strutturali fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro jeħtieġ li titħaffef b’mod sostanzjali biex tiżdied il-kapaċità ta' rkupru mill-iskossi, jonqos il-qgħad strutturali u tingħata spinta lill-produttività u l-potenzjal ta' tkabbir. Fir-rigward tal-politika fiskali, il-pajjiżi kollha jistgħu jgawdu minn sforzi aqwa biex jaslu għal kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi li tiffavorixxi t-tkabbir. Implimentazzjoni sħiħa, trasparenti u konsistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u tal-proċedura tal-iżbilanċ makroekonomiku maż-żmien u fil-pajjiżi kollha għadha essenzjali biex issaħħaħ il-kapaċità ta' rkupru mill-iskossi fl-ekonomija taż-żona tal-euro. It-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għadu prijorità. Il-Kunsill Governattiv jilqa’ d-diskussjonijiet li għaddejjin dwar aktar tisħiħ tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja