Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Frar 2021

19 ta’ Frar 2021

Operazzjonijiet tas-suq

Reviżjoni annwali tal-lista ta’ swieq mhux regolati aċċettabbli u l-lista ta' aġenziji rikonoxxuti fil-qafas kollaterali tal-Eurosistema

Fit-22 ta’ Jannar 2021 il-Kunsill Governattiv iddeċieda, bħala riżultat tar-reviżjoni annwali tiegħu ta' dawn il-listi, li jżid is-suq SI ENTER mal-lista ta’ swieq aċċettati mhux regolati u żewġ aġenziji (UAB Valstybės investicinis kapitalas (VIK) u Slovenská záručná a rozvojová banka, a.s. (SZRB)) mal-lista ta’ aġenziji rikonoxxuti. Iż-żewġ listi jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Emendi għad-deċiżjoni dwar it-tielet serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal

Fid- 29 ta’ Jannar 2021 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (EU) 2021/124 (BĊE/2021/3) li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 (BĊE/2019/21) dwar it-tielet serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTRO-III). Il-Kunsill Governattiv ddeċieda wkoll li sal-15 ta’ Frar 2021: (i) bidliet huma permessi fil-kompożizzjoni ta’ grupp TLTRO-III bl-inklużjoni ta’ membri ġodda tal-grupp TLTRO-III limitati għal istituzzjonijiet li mhumiex parti minn grupp TLTRO-III ieħor rikonoxxut; u (ii) gruppi ġodda ta’ TLTRO-III jistgħu jkunu ffurmati minn kontropartijiet li pparteċipaw f'operazzjonijiet TLTROs-III preċedenti fuq bażi individwali, sabiex dawk il-kontropartijiet jitħallew jibdew jipparteċipaw mis-seba’ operazzjoni TLTROs-III fuq bażi ta’ grupp. Il-kalendarju TLTROs-III rivedut jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Pożizzjoni komuni tal-Eurosistema dwar investimenti sostenibbli u responsabbli relatati mat-tibdil fil-klima f'portafolli tal-politika mhux monetarja

Fit-3 ta’ Frar 2021 il-Kunsill Governattiv adotta pożizzjoni komuni tal-Eurosistema għall-implimentazzjoni prattika ta’ prinċipji ta’ investiment sostenibbli u responsabbli relatati mat-tibdil fil-klima fil-portafolli tal-politika mhux monetarja denominati fl-euro tal-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro. Il-pożizzjoni komuni tipprepara l-bażi għall-kejl ta’ emissjonijiet ta' gassijiet serra u metriċi oħra sostenibbli u responsabbli relatati ma’ investiment ta’ dawn il-portafolli. L-Eurosistema għandha l-għan li tibda tiżvela metriċi annwali relatati mal-klima għal dawn it-tipi ta’ portafoll fis-sentejn li ġejjin. Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Emendi għad-Deċiżjoni dwar il-programm temporanju ta' xiri għall-emerġenza pandemika

Fl-10 ta’ Frar 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-emendi għad-Deċiżjoni (UE) 2020/440 dwar programm temporanju ta' xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (PEPP) (BĊE/2020/17). L-att legali rivedut (Deċiżjoni (UE) 2021/174 (BĊE/2021/6)) jimplimenta deċiżjonijiet relatati mal-PEPP li ħa l-Kunsill Governattiv fl-10 ta’ Diċembru 2020.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Emendi għat ftehimiet tat-TARGET2-Titoli

Fit-22 ta’ Jannar 2021 il-Kunsill Governattiv approva emendi tekniċi għall-Ftehim Qafas TARGET2-Titoli u l-Ftehim ta’ Parteċipazzjoni fil-Munita tat-TARGET2-Titoli. L-aġġornamenti jirrigwardaw il-partijiet u l-ftehimiet li ġejjin: Skeda 1 (Definizzjonijiet), Skeda 5 (Deskrizzjoni tas-Servizz), Skeda 8 (Governanza) u Skeda 9 (Ġestjoni tal-Bidla u r-Rilaxx). Iż-żewġ dokumenti emendati dalwaqt ser jiġu ffirmati mill-partijiet kontraenti.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament fuq ħlasijiet transkonfinali fl-Unjoni

Fil-25 ta’ Jannar 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/3 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tad-Deutsche Bundesbank

Fl-4 ta’ Frar 2021 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2021/4 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Deutsche Bundesbank.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Eesti Pank

Fl-4 ta’ Frar 2021 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2021/5 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Eesti Pank.

Ħatra ta’ membru ġdid fil-Kumitat ta' Sorveljanza tar-rata tal-euro għal żmien qasir

Fil-15 ta’ Frar 2021 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Imène Rahmouni-Rousseau, Direttur Ġenerali tal-Operazzjonijiet tas-Suq, bħala membru ġdid tal-BĊE tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tar-rata tal-euro għal żmien qasir (€STR) b’effett immedjat. Il-ħatra ssegwi l-bidla fil-pożizzjoni tal-eks membru tal-kumitat Cornelia Holthausen, li reċentement ħadet responsabbiltajiet ġodda fi ħdan il-BĊE. Il-Kumitat ta’ Sorveljanza ta’ €STR jirrevedi, jikkontesta u jirrapporta dwar l-aspetti kollha tal-proċess ta’ determinazzjoni ta’ €STR kif stabbilit mil-Linja Gwida €STR. Aktar tagħrif dwar il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-€STR jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Kontijiet Annwali tal-BĊE għall-2020

Fis-17 ta’ Frar 2021 il-Kunsill Governattiv approva r-rapporti finanzjarji vverifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2020. Il-Kontijiet Annwali, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, ġew ippubblikati fil-websajt tal-BĊE fit-18 ta’ Frar 2021.

Statistika

Reviżjoni tar-regolament dwar l-applikazzjoni tar-rekwiżiti minimi tar-riżerva u tar-regolament dwar il-partiti tal-karta tal-bilanċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji

Fit-22 ta’ Jannar 2021 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2021/1 dwar l-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta' riżerva minima (ir-Regolament MRR imfassal mill-ġdid) u r-Regolament BĊE/2021/2 dwar l-elementi tal-karta bilanċjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (ir-Regolament BSI imfassal mill-ġdid). Ir-reviżjonijiet li jinsabu fir-Regolament MRR imfassal mill-ġdid jemendaw: l-ambitu tal-istituzzjonijiet ta' kreditu soġġetti għal rekwiżiti minimi ta’ riżerva biex jinkludu ditti ta’ investiment sistemiċi; il-kundizzjonijiet li fuqhom il-fondi jingħaddu għar-rekwiżiti ta’ riżerva; u l-kundizzjonijiet għar-rappurtar tal-bażi tar-riżerva fuq bażi aggregata. Ir-reviżjonijiet li jinsabu fir-Regolament BSI imfassal mill-ġdid se jipprovdu statistika ġdida għall-analiżi tal-iżviluppi monetarji u tal-kreditu taż-żona tal-euro mill-bidu tal-2022. L-abbozz tar-Regolament BSI rivedut sar disponibbli għal konsultazzjoni pubblika fi Frar 2020. Stqarrija bir-reazzjonijiet li tiġbor fil-qosor it-tweġibiet riċevuti fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni pubblika u r-reviżjonijiet sussegwentement inklużi fir-Regolament BSI imfassal mill-ġdid huma disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Prijoritajiet superviżorji għall-2021, valutazzjoni ta’ riskji u vulnerabbiltajiet, u riżultati aggregati tal-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni 2020

Fid-19 u s-26 ta’ Jannar 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposti mill-Bord Superviżorju biex jippubblika, minn naħa, informazzjoni dwar il-prijoritajiet għas-superviżjoni bankarja fl-2021 u dwar il-valutazzjoni tar-riskji u l-vulnerabbiltajiet, u min-naħa l-oħra ir-riżultat aggregat tal-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni tal-2020 (SREP). Id-dokumenti fuq il-prijoritajiet superviżorji għall-2021, il-valutazzjoni tar-riskji u l-vulnerabbiltajiet, ir-rapport SREP u l-istqarrija għall-istampa relatata jisabu fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Konformità mal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) dwar ir-rekwiżiti ta’ rappurtar u żvelar superviżorju f’konformità mas-CRR ‘soluzzjoni rapida’ bi tweġiba għall-pandemija tal-COVID-19

Fis-27 ta’ Jannar 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposti mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-ABE li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE jikkonforma ma’: (a) Linji Gwida tal-ABE dwar ir-rappurtar superviżorju u r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni f’konformità mas-‘soluzzjoni rapida’ tas-CRR b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (EBA/GL/2020/11), u (b) Linji Gwida li jemendaw il-Linji Gwida EBA/GL/2018/01 dwar id-divulgazzjoni uniformi taħt l-Artikolu 473a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (CRR) dwar il-perjodu tranżitorju għall-mitigazzjoni tal-impatt tal-introduzzjoni tal-IFRS 9 fuq il-fondi proprji biex tkun żgurata l-konformità mas-‘soluzzjoni rapida’ tas-CRR bi tweġiba għall-pandemija COVID-19 (EBA/GL/2020/12). Is-soluzzjoni rapida tas-CRR hija parti minn sensiela ta’ miżuri meħuda mill-istituzzjonijiet Ewropej biex itaffu l-impatt tal-pandemija tal-koronavirus (COVID-19) fuq istituzzjonijiet madwar l-Istati Membri tal-UE. Minbarra l-flessibilità diġà pprovduta fir-regoli eżistenti, tintroduċi ċerti aġġustamenti għar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (CRR), inklużi miżuri temporanji maħsuba biex, fost affarijiet oħra, itejbu l-flussi ta’ kreditu lill-kumpaniji u l-unitajiet domestiċi, u b’hekk jappoġġjaw l-ekonomija tal-UE.

Konformità mal-Linji Gwida tal-ABE dwar moratorji leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi dwar il-ħlas lura ta’ self applikat fid-dawl tal-kriżi COVID-19

Fit-28 ta’ Jannar 2021, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) tiġi nnotifikata fir-rigward ta’ istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE, dwar il-konformità tal-BĊE mal-Linji Gwida tal-EBA/GL/2020/02 dwar moratorji ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi dwar il-ħlas lura ta’ self applikati fid-dawl tal-kriżi COVID-19 (EBA/GL/2020/15). Fid-dawl tat-tieni mewġa tal-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet ekonomiċi li jirriżultaw f’diversi stati Membri tal-UE, l-ABE ddeċidiet li terġa’ tattiva l-Linji Gwida dwar il-moratorji billi introduċiet skadenza ġdida għall-applikazzjoni tal-moratorji tal-31 ta' Marzu 2021, u tissostitwixxi d-data preċedenti tat-30 ta’ Settembru 2020.

Konformità mal-Linji Gwida tal-ABE dwar l-ispeċifikazzjoni u l-iżvelar ta’ indikaturi ta’ importanza sistemika

Fit-8 ta’ Frar 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-ABE li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE ser jikkonforma mal-Linji Gwida tal-ABE dwar l-ispeċifikazzjoni u d-divulgazzjoni tal-indikaturi ta’ importanza sistemika (EBA/GL/2020/14). Il-Linji Gwida jispeċifikaw id-dejta u l-indikaturi li għandhom jintużaw fl-eżerċizzju ta’ valutazzjoni biex jiġu identifikati istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs), li jibdew bl-eżerċizzju 2021 ibbażat fuq informazzjoni ta’ tmiem l-2020. Il-metodoloġija tal-ABE għall-identifikazzjoni tal-G-SIIs issegwi mill-qrib l-approċċ tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) għall-identifikazzjoni ta’ banek globali sistemikament importanti (G-SIBs, fit-terminoloġija tal-BCBS) kif ukoll ir-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti fil-ħames Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali tal-UE (CRD V).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja