Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jxandar il-proċess ta’ informazzjoni dwar l-evalwazzjoni komprensiva

17 ta' Lulju 2014

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel l-10 a.m. CET tal-Ħamis 17 ta’ Lulju 2014
  • Il-formolarju għall-preżentazzjoni tar-riżultati finali f’Ottubru ġie ppubblikat illum
  • Ir-riżultati finali se jagħmlu distinzjoni bejn l-inadegwatezza tal-kapital skont l-analiżi tal-kwalità tal-assi (AQR) u dik f’sitwazzjonijiet bażiċi u negattivi tat-test tal-istress
  • L-informazzjoni se tkun aktar konsistenti minn dik mogħtija fl-eżerċizzji li saru qabel dwar il-kundizzjoni tal-karta tal-bilanċ, il-kwalità tal-assi u l-ingranaġġ ( leverage) tal-banek fiż-żona tal-euro
  • Il-BĊE se jmexxi djalogu superviżorju mal-banek individwali biex jivverifika l-fatti u jinvestiga konklużjonijiet parzjali

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ħabbar il-proċess dwar kif se jinteraġixxi mal-banek u jikkomunika r-riżultati tal-evalwazzjoni komprensiva ta’ 128 bank li qiegħda ssir bħalissa. Huwa xandar “formolarju” li juri l-format li bih se jiġu ppubblikati l-konklużjonijiet fit-tieni nofs ta’ Ottubru. Barra dan, il-BĊE ħareġ tagħrif dwar il-progress li sar s’issa fl-analiżi tal-kwalità tal-assi u l-eżerċizzju tat-test tal-istress.

L-evalwazzjoni komprensiva hija analiżi bir-reqqa tal-karti tal-bilanċ tal-banek il-kbar qabel ma l-BĊE jieħu f’idejh il-kompiti superviżorji tiegħu bħala parti mill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) f’Novembru 2014.

Il-Viċi President tal-BĊE Vitor Constâncio qal: “Il-banek jafu x’qed nistennew u ġew avżati minn qabel biex iħejju ruħhom għar-riżultat tal-evalwazzjoni komprensiva. Diġà sar ħafna xogħol biex jissewwew il-karti tal-bilanċ tal-banek, u li jagħmillek kuraġġ hu li din il-ħidma għadha għaddejja.”

Il-President tal-Bord Superviżorju Danièle Nouy qalet: “Issa li qegħdin nagħlqu dan l-eżerċizzju iebes u rigoruż, qed nagħmlu l-aħjar tagħna biex inħejju għal proċess ta’ informazzjoni bla xkiel. Il-BĊE kien trasparenti ħafna fil-mod kif ikkomunika mal-banek u biħsiebu jipprovdi kemm jista’ dettalji lis-swieq u lil parteċipanti oħra dwar il-progress fl-evalwazzjoni komprensiva u kif se jintemm il-proċess.”

Il-BĊE qiegħed iħejji l- join-up biex jinkorpora l-konklużjonijiet tal-analiżi tal-kwalità tal-assi fit-test tal-istress, element li kien nieqes mill-eżerċizzji tat-testijiet tal-istress li saru qabel fl-Ewropa. Ir-riżultati tal-analiżi tal-kwalità tal-assi se jintużaw biex jaġġustaw il-punt ta’ tluq tat-test tal-istress. Il-metodoloġija dwar il- join-up se tixxandar fl-ewwel nofs ta’ Awwissu. Il- join-up se ssir parzjalment mill-banek kif ukoll minn tim immexxi ċentralment mill-BĊE. Meta jevalwaw id-dejta mogħtija mill-banek u r-riżultati tal-mudelli interni tagħhom, it-timijiet immexxija mill-BĊE se jivverifikawhom billi jqabbluhom mal-kalkoli tagħhom. Dan qiegħed isir biex tiġi ggarantita l-kredibbiltà tal-evalwazzjoni komprensiva u japplika kemm għall-analiżi tal-kwalità tal-assi kif ukoll għat-test tal-istress.

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni komprensiva se jixxandru fit-tieni nofs ta’ Ottubru, wara li jkunu ġew approvati mill-BĊE. Il-banek se jiġu mgħarrfa bir-riżultati sħaħ u finali ftit żmien qabel ma dawn jiġu kkomunikati lis-swieq. Ftit qabel ma toħroġ l-informazzjoni finali, il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti se jiddiskutu l-konklużjonijiet parzjali u preliminari ma’ banek individwali f’dak li huwa magħruf bħala djalogu superviżorju, li fih jiġu vverifikati d-dejta u l-fatti u jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ metodoloġija.

Il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-evalwazzjoni komprensiva se ssir bil-formolarju standardizzat. Dan jinkludi l-konklużjonijiet dwar banek individwali kif ukoll rapport li jiġbor flimkien ir-riżultati kollha tal-eżerċizzju għall-128 bank f’daqqa. Il-formolarju tal-banek individwali jiġbor fih ħarsa ġenerali lejn iċ-ċifri finanzjarji ewlenin tagħhom, riżultati dettaljati tal-analiżi tal-kwalità tal-assi u tat-test tal-istress, kif ukoll tagħrif ieħor importanti bħal jekk ikunux diġà ħarġu offerti fis-swieq tal-kapital fl-2014.

F’Novembru, il-banek se jissottomettu l-pjanijiet tagħhom dwar il-kapital lill-MSU. Dawn se jiġu evalwati mit-Timijiet Superviżorji Konġunti (JSTs) tal-MSU, magħmula minn superviżuri tal-BĊE u tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u l-implimentazzjoni tagħhom imbagħad tiġi ssorveljata mill-qrib.

Għal aktar tagħrif, tista’ tikkuntattja lil Uta Harnischfeger, tel.: +49 69 1344 6321.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja