Illum il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jippubblika l-avviż ta’ impjieg għall-kariga ta’ President tal-Bord Superviżorju tal-mekkaniżmu superviżorju uniku. Il-BĊE qiegħed ifittex kandidat adattat ta’ pożizzjoni u esperjenza rikonoxxuta f’affarijiet bankarji u finanzjarji. Il-Bord Superviżorju se jkun responsabbli għall-ippjanar u t-twettiq tal-kompiti superviżorji konferiti lill-BĊE u l-mandat tiegħu li jissorvelja direttament l-aktar banek importanti fiż-żona tal-euro. Il-kandidati xierqa huma mistiedna jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-avviż ta’ impjieg.
Il-proċedura għall-għażla u l-ħatra tal-President hija spjegata fl-avviż ta’ impjieg u se tirrispetta l-prinċipji tal-esperjenza, il-kwalifika u l-bilanċ bejn is-sessi. Wara l-proċedura tal-għażla, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE se jipproponi kandidat wieħed għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Wara s-seduta ta’ smigħ tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea se jieħu deċiżjoni dwar il-ħatra.
Fil-jiem li ġejjin, l-avviż ta’ impjieg mehmuż se jiġi ppubblikat ukoll f’Il -Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u se jidhru avviżi f’bosta pubblikazzjonijiet li joħorġu fl-Ewropa. Id-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet hija l-21 ta’ Ottubru 2013. Il-proċedura għall-għażla u l-ħatra tal-President tal-Bord Superviżorju se tkun suġġetta għall-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-regolament tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-mekkaniżmu superviżorju uniku.