Tagħrif ta' kull sitt xhur dwar l-iffalzifikar ta' l-euro
Fl-ewwel sitt xhur ta’ l-2005, ġew irtirati miċ-ċirkolazzjoni 293,000 karti ta’ l-euro foloz. Din iċ-ċifra hi simili ħafna għal dik ta’ l-aħħar sitt xhur tas-sena li għaddiet, meta nġabru 287,000 karta tal-flus foloz, iżda iżjed baxxa mit-307,000 miġbura fl-ewwel sitt xhur ta’ l-2004. Madankollu, wieħed għandu jara dawn iċ-ċifri fil-kuntest ta’ l-għadd ta’ karti tal-flus ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni (madwar 9 biljuni).
L-analiżi ta' karti tal-flus foloz skond id-denominazzjoni hi kif ġej:
€5 | €10 | €20 | €50 | €100 | €200 | €500 | |
Analiżi skond id-denominazzjoni (f’%) | 1 | 6 | 16 | 62 | 9 | 5 | 1 |
Il-karta ta’ €50 dejjem kienet id-denominazzjoni l-iżjed preferuta mill-falzarji; din ix-xejra intensifikat fl-ewwel sitt xhur tal-2005, fejn 62% tal-karti tal-flus foloz kollha kienu karti ta’ €50. B’mod komplementari, ġew falzifikati inqas karti ta’ €20 u €100.
Ma kienitx sorpriża li l-biċċa l-kbira tal-karti ta' flus foloz fiċ-ċirkolazzjoni nstabu fiż-żona ta' l-euro. 2% oħra ġew minn Stati Membri oħra ta’ l-UE barra ż-żona ta’ l-euro, u l-aħħar l-1% ġie mill-“bqija tad-dinja”.
Il-pubbliku għandu jkollu fiduċja fil-kwalità tal-karti tal-flus ta’ l-euro u fil-karatteristiċi ta’ sigurtà tagħhom. Madankollu, l-Eurosistema, jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u t-12-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona ta’ l-euro, jkomplu jwissu lill-pubbliku biex joqgħod attent għall-possibiltà li jista’ jirċievi xi karta tal-flus falza. Il-biċċa l-kbira tal-flus foloz – ukoll dawk magħmula tajjeb – jistgħu jingħarfu faċilment minn karti tal-flus ġenwini billi wieħed juża sempliċement it-test ĦOSS-ĦARES-MEJJEL imfisser fil-pubblikazzjonijiet ta’ l-Eurosistema u fil-website tal-BĊE[1]. Iżda, f’każijiet ta’ dubju, karta tal-flus suspettata għandha titqabbel direttament ma’ waħda li żgur hi ġenwina.
L-Eurosistema tikkoopera mill-qrib ħafna ma’ l-Europol, l-Interpol, il-Kummissjoni Ewropea (li hi responsabbli għat-tixrid ta’ tagħrif dwar muniti ta’ l-euro foloz) u forzi nazzjonali tal-pulizija fil-ġlieda kontra l-iffalzifikar tal-flus. Kull min ikollu suspett li forsi rċieva xi karta tal-flus falza għandu jikkuntattja jew lill-pulizija jew – fejn il-prassi nazzjonali tippermetti – lill-bank ċentrali nazzjonali rispettiv, waqt li jagħti kemm jista’ jkun dettalji dwar minn fejn ġiet il-karta tal-flus.
-
[1] Fl-indirizz http://www.ecb.europa.eu/euro/banknotes/security/recognise/html/index.en.html
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja