Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Marzu 2025
28 ta' Marzu 2025
Il-politika monetarja
Konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet ta’ finanzjament monetarju u aċċess privileġġat
Fis-26 ta’ Marzu 2025, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jassenja lill-BĊE l-kompitu tas-sorveljanza tal-konformità tal-banek ċentrali tal-UE mal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 123 u 124 tat-TFUE u r-Regolamenti relatati, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport ta’ monitoraġġ li jkopri s-sena 2024. Tagħrif ieħor dwar dan se jkun disponibbli f’taqsima speċifika tar-Rapport Annwali tal-BĊE 2024 li se jiġi ppubblikat fis-sit web tal-BĊE fit-28 ta’ April 2025.
Parir dwar il-leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar ir-regoli għat-tqassim tal-profitti tal-Lietuvos bankas
Fid-19 ta' Marzu 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/5 fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja.
Opinjoni tal-BĊE dwar iż-żieda tal-kwota tal-Italja fil-Fond Monetarju Internazzjonali
Fl-24 ta’ Marzu 2025 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/6 wara talba mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi tal-Italja.
Statistika
Proġett pilota dwar l-għoti ta' aċċess għal informazzjoni statistika kunfidenzjali lil korpi ta' riċerka xjentifika
Fis-7 ta' Marzu 2025 il-Kunsill Governattiv approva proġett pilota biex jagħti aċċess għar-riċerka għal data statistika kunfidenzjali anonimizzata dwar banek individwali fiż-żona tal-euro. L-għan huwa li jiġu ttestjati l-effettività u l-konvenjenza ta’ modi differenti ta’ aċċess u li jingħata kontribut għall-istabbiliment potenzjali ta’ infrastruttura permanenti għall-aċċess għar-riċerka għas-settijiet ta’ data ġestiti mill-BĊE. Stqarrija għall-istampa li tagħti aktar dettalji dwar l-isfond għal din l-inizjattiva nħarġet fit-13 ta’ Marzu 2025.
Riformulazzjoni tal-Linja Gwida tal-BĊE dwar l-istatistika tal-finanzi tal-gvern u emenda tal-Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz bejn id-Direttorat Ġenerali tal-Istatistika tal-BĊE u l-Eurostat dwar l-iskambji ta’ data
Fis-7 ta’ Marzu 2025 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2025/9, li tintroduċi proċess aktar effiċjenti għall-kondiviżjoni tal-istatistika dwar il-finanzi tal-gvern (SFG) bejn il-Eurostat u d-Direttorat Ġenerali tal-Istatistika tal-BĊE. Billi tippermetti li parti mir-rapportar tas-SFG tal-banek ċentrali nazzjonali tiġi sottomessa lill-BĊE mill-Eurostat skont il-Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz il-ġdid, l-inizjattiva tnaqqas b’mod sinifikanti l-obbligi ta’ rapportar għall-banek ċentrali nazzjonali, dment li jiġu ssodisfati ċerti kriterji. Il-Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz il-ġdid jiffaċilita t-trażmissjoni ta’ SFG nazzjonali mhux ivvalidata mill-Eurostat lill-BĊE qabel il-pubblikazzjoni, filwaqt li jiżgura inputs f’waqthom għall-ħidma tal-persunal tal-Eurosistema u tal-BĊE.
Superviżjoni Bankarja tal-BĊE
Ġbir ta’ data dwar il-valutazzjoni komparattiva tar-remunerazzjoni u l-persuni li jaqilgħu pagi għoljin
Fil-21 ta’ Frar 2025 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta mill-Bord Superviżorju biex jadotta d-Deċiżjoni BĊE/2025/7 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2024/461 dwar ir-rappurtar mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, proporzjonijiet ogħla approvati u dawk li jaqilgħu pagi għoljin għall-finijiet ta’ valutazzjoni komparattiva (BĊE/2024/2).
Fl-2023, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) ħarġet Linji Gwida dwar il-valutazzjoni komparattiva tal-prattiki ta’ diversità, inklużi l-politiki dwar id-diversità u d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri (EBA/GL/2023/08). Fid-dawl ta’ dan, il-BĊE ddeċieda li jinkorpora l-ġbir ta’ data ulterjuri billi jemenda d-Deċiżjoni 2024/461, li tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar is-sottomissjoni lill-BĊE ta’ informazzjoni rrapportata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti minn entitajiet taħt superviżjoni għall-finijiet tal-valutazzjoni komparattiva tax-xejriet u l-prattiki tar-remunerazzjoni, id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, il-proporzjonijiet ogħla approvati u l-persuni li jaqilgħu pagi għoljin.
Ir-rekwiżiti ta’ rapportar emendati jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jipprovdu lill-BĊE b’informazzjoni rrapportata mill-istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti f’konformità mal-Linji Gwida tal-EBA u għandhom l-għan li jgħinu lill-BĊE jiżgura l-konformità mal-Linji Gwida tal-EBA u li jiffaċilitaw is-sottomissjoni sussegwenti tad-data lill-EBA.
Gwida tal-BĊE dwar l-esternalizzazzjoni tas-servizzi tal-cloud
Fis-27 ta' Frar 2025 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika l-Gwida tal-BĊE dwar l-esternalizzazzjoni tas-servizzi tal-cloud lill-fornituri tas-servizzi tal-cloud u d-dikjarazzjoni ta' feedback dwar it-tweġibiet riċevuti fil- konsultazzjoni pubblika relatata mnedija fit-3 ta' Ġunju 2024.
Il-Gwida qed tiġi ppubblikata bħala pass ieħor fl-istrateġija superviżorja tal-BĊE li tistabbilixxi l-aspettattivi tiegħu u tippromwovi prattiki tajbin dwar l-esternalizzazzjoni tas-servizzi tal-cloud. Se tkun disponibbli meta jasal il-waqt fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Din tispeċifika l-aspettattivi superviżorji f’dan il-qasam, filwaqt li tqis l- Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali (DORA) u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital, għal governanza effettiva tar-riskju li jinħoloq mill-esternalizzazzjoni, filwaqt li tappoġġa wkoll l-istabbiliment ta’ oqfsa robusti għas-sigurtà tal-IT u r-reżiljenza ċibernetika.
Aġġustamenti għall-Programm ta’ Eżami Superviżorju (SEP) tal-2025 għal spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ta' mudelli interni f’istituzzjonijiet sinifikanti
Fit-3 ta' Marzu 2025 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju għal deċiżjoni dwar aġġustamenti għall-SEP għal spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ta' mudelli interni f'istituzzjonijiet sinifikanti fl-2025. L-ippjanar tas-SEP fuq il-post huwa bbażat fuq il-prijoritajiet superviżorji għall-2025-27 ippubblikati fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2024
Fl-4 ta’ Marzu 2025 il-Kunsill Governattiv approva r-Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2024 u awtorizza l-pubblikazzjoni u t-trażmissjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Eurogrupp, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti. Ir-rapport ġie ppubblikat fuq is- sit web tas-superviżjoni bankarja fis-27 ta’ Marzu 2025. Dan ġie ppreżentat lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew mill-President tal-Bord Superviżorju dakinhar stess.
Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-ammont totali ta’ tariffi superviżorji annwali li se jiġu imposti mill-BĊE għall-2024
Fis-7 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2025/8 dwar l-ammont totali ta’ tariffi superviżorji annwali għall-2024.
Risposta tal-BĊE għall-konsultazzjoni mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB) dwar dikjarazzjonijiet mill-ġdid għall-2025 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni
Fl-14 ta’ Marzu 2025 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju għat-tweġiba tal-BĊE għall-konsultazzjoni mill-SRB dwar dikjarazzjonijiet mill-ġdid għall-2025 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-perjodu 2016-23. Id-dikjarazzjonijiet mill-ġdid jinvolvu korrezzjonijiet ta’ kontribuzzjonijiet annwali kkalkulati preċedentement minħabba aġġornamenti jew korrezzjonijiet ta’ informazzjoni jew data ppreżentata preċedentement minn istituzzjoni.
L-SRB jimmaniġġja l-Fond u jiddetermina l-kontribuzzjonijiet individwali li għandhom jitħallsu mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu fuq bażi annwali skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni (ir-“Regolament SRM”).
F’konformità mal-Artikolu 70 tar-Regolament, il-BĊE wettaq il-valutazzjoni tiegħu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-ġdid proposti li għandhom jitħallsu lill-Fond minn entitajiet taħt superviżjoni, filwaqt li ffoka fuq il-punt sa fejn dawk id-dikjarazzjonijiet mill-ġdid jistgħu jirriżultaw f’nuqqas ta’ konformità, jew f’deterjorament tan-nuqqas ta’ konformità eżistenti, mar-rekwiżiti prudenzjali jew mal-gwida tal-Pilastru 2 jew inkella jistgħu jwasslu għal tħassib serju dwar is-saħħa finanzjarja ta’ entità.
Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-għoti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ data superviżorja rrappurtata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti
Fl-24 ta’ Marzu 2025 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex tiġi adottata d-Deċiżjoni BĊE/2025/10 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2023/18 dwar l-għoti lill-BĊE ta’ data superviżorja rrapportata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) mill-entitajiet taħt superviżjoni. Id-Deċiżjoni se tkun disponibbli meta jasal il-waqt fuq EUR-Lex.
Sabiex jittejbu l-effiċjenza u l-kwalità tal-proċedura, ġie deċiż li tiġi emendata l-proċedura għar-rapportar tad-data dwar konċentrazzjonijiet sinifikanti tar-riskju u tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti fil-livell tal-konglomerat finanzjarju. Bħalissa, skont id- Direttiva 2002/87/KE, l-entitajiet regolati jew il-kumpaniji holding finanzjarji mħallta huma meħtieġa jirrapportaw fuq bażi regolari u mill-inqas darba fis-sena lill-awtorità koordinatriċi kwalunkwe konċentrazzjoni ta' riskju sinifikanti fil-livell tal-konglomerat finanzjarju u t-tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti kollha fil-livell tal-konglomerat finanzjarju, bil-BĊE jassumi l-kompiti ta' koordinatur.
Abbażi tal-emenda, bħal fil-każ ta’ informazzjoni oħra rrapportata fuq bażi regolari f’konformità mal-dritt tal-UE relevanti, id-data dwar konċentrazzjonijiet sinifikanti tar-riskju u tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti trid tiġi sottomessa minn entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni lill-ANK. Fil-futur, l-ANK se jwettqu l-kontrolli inizjali tad-data u jagħmlu l-informazzjoni disponibbli lill-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja