Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

April 2021

23 ta’ April 2021

Operazzjonijiet tas-suq

Twaqqif tal-offerta tal-operazzjonijiet ta’ għoti ta’ likwidità ta’ USD ta’ 84 jum

Fid-19 ta’ April 2021 il-Kunsill Governattiv approva t-twaqqif tal-operazzjonijiet ta’ għoti ta’ likwidità ta’ USD ta’ 84 jum mill-1 ta’ Lulju 2021. Id-deċiżjoni biex titwaqqaf l-offerta ta’ likwidità f’dollari fil-maturità ta’ 84 jum ittieħdet b’mod konġunt mill-Bank of England, il-Bank tal-Ġappun, il-BĊE u l-Bank Nazzjonali Svizzeru, b'konsultazzjoni mal-Federal Reserve. Stqarrija għall-istampa konġunta relatata kkoordinata fost dawn il-banek ċentrali nħarġet fit-23 ta’ April 2021 u hija disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Politiki ġodda għall-mobilizzazzjoni u s-saldu tal-kollateral

Fis-6 ta’ April 2021 il-Kunsill Governattiv approva politika ġdida tal-Eurosistema għas-saldu tal-kollateral fit-TARGET2- Securities (T2S) li se ssir effettiva bit-tnedija tas-Sistema tal-Ġestjoni tal-Kollateral tal-Eurosistema (ECMS) f’Novembru 2023. Taħt il-politika l-ġdida tas-saldu tat-T2S, il-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) fiż-żona tal-euro se jaċċettaw kollateral negozjabbli eliġibbli mobilizzat mill-kontropartijiet tal-politika monetarja tagħhom biss f’kontijiet miżmuma f’depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) li huma parti mit-T2S. Il-kontropartijiet jistgħu jkomplu jżommu l-kontijiet tas-sors tat-titoli tagħhom fi kwalunkwe CSD tal-għażla tagħhom (kemm jekk dak is-CSD ikun parti mit-T2S jew le). Il-politika ta’ saldu tat-T2S tkompli ssaħħaħ l-effiċjenza tal-mobilizzazzjoni u s-saldu tal-kollateral f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, u b’hekk tappoġġa l-integrazzjoni tas-suq finanzjarju tal-UE filwaqt li tippreserva s-sikurezza u tippromwovi kundizzjonijiet ekwi. Il-kontropartijiet se jkollhom l-opportunità li jibbenefikaw mill-proċeduri ta’ saldu armonizzati fit-T2S u l-funzjonalità tal-kollateralizzazzjoni awtomatika tagħha u biex itejbu l-ġestjoni tat-titoli u l-kontijiet tal-flus kontanti tagħhom. Emendi għad-dokumentazzjoni rilevanti tal-Eurosistema se jitħejjew fil-ħin biex jirriflettu l-bidliet fil-politika msemmija hawn fuq. L-avviż relatat ġie ppubblikat fit-13 ta’ April 2021 u huwa disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Rapport tal-Eurosistema dwar is-sorveljanza 2020

Fis-6 ta’ April 2021 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-rapport tal-Eurosistema dwar is-Sorveljanza u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fil-websajt tal-BĊE. Ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta’ sorveljanza mwettqa mill-Eurosistema bejn l-2017 u l-2020 relatati mal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju (FMIs) u l-ħlasijiet. Ikopri wkoll is-suq ewlieni u l-iżviluppi regolatorji fil-perjodu ta’ rappurtar u jindika fil-qosor il-mandat ta’ sorveljanza tal-Eurosistema u l-approċċ tagħha għas-sorveljanza. Ir-rapport jinsab fil-websajt tal-BĊE.

L-istrateġija tal-ħlasijiet bl-imnut tal-Eurosistema

Fid-9 ta’ April 2021 il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-iżviluppi fix-xogħol li għaddej taħt l-istrateġija tal-ħlasijiet bl-imnut tal-Eurosistema u approva dokument relatat għall-pubblikazzjoni. In-nota tipprovdi għarfien dwar il-motivazzjoni għall-istrateġija u ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet li huma ppjanati jew li qed jittieħdu bħalissa, anki jekk għadhom mhumiex finalizzati għal kollox. Informazzjoni addizzjonali mmirata għall-pubbliku ġenerali dalwaqt tkun disponibbli f’sezzjoni apposta tal-websajt tal-BĊE.

Rapport tal-Eurosistema dwar il-konsultazzjoni pubblika dwar euro diġitali

Fl-14 ta’ April 2021 il-BĊE ppubblika r-rapport tal-Eurosistema fuq il-konsultazzjoni pubblika dwar euro diġitali u stqarrija għall-istampa relatata. Ir-rapport jistabbilixxi r-riżultati tal-analiżi tat-8,221 tweġiba sottomessi fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika tal-BĊE li saret minn nofs Ottubru 2020 sa nofs Jannar 2021. Se jservi bħala kontribut importanti għall-Kunsill Governattiv meta jiddeċiedi aktar tard din is-sena jekk jibdiex fażi ta’ investigazzjoni formali fid-dawl ta’ tnedija possibbli ta’euro diġitali.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar regoli ta’ tqarrib għall-ħlasijiet denominati f’euro fis-Slovakkja

Fl-20 ta’ April 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/14 wara talba mill-Ministru tal-Finanzi tar-Repubblika Slovakka.

Statistika

Riformulazzjoni u qsim tal-Linji Gwida tal-BĊE dwar l-istatistika monetarja u finanzjarja f’ħames linji gwida ġodda

Fis-26 ta’ Marzu 2021 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jfassal mill-ġdid u jaqsam il-Linja Gwida eżistenti tal-BĊE, BĊE/2014/15 dwar statistika monetarja u finanzjarja (il-Linja Gwida MFS) f’ħames Linji Gwida ġodda. L-eżerċizzju ta’ tfassil mill-ġdid u qsim tal-Linja Gwida MFS, li jikkonċerna t-trażmissjoni ta’ informazzjoni statistika mill-BĊN lill-BĊE, inbeda biex tiġi żgurata l-kwalità tal-kontenut tiegħu minħabba t-tul tiegħu, l-emendi sostanzjali tiegħu mill-2014 u l-firxa wiesgħa ta’ oqsma settorjali differenti koperti. Il-ħames Linji Gwida oħra huma kif ġej: il-Linja Gwida BĊE/2021/11 dwar statistika tal-partiti tal-karta tal-bilanċ u statistika dwar ir-rati tal-imgħax ta’ istituzzjonijiet finanzjarji monetarji; il-Linja Gwida BĊE/2021/12 dwar tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat fuq intermedjarji finanzjarji minbarra istituzzjonijiet finanzjarji monetarji; il-Linja Gwida BĊE/2021/13 dwar rekwiżiti għar-rapportar dwar l-istatistika tal-ħlasijiet; il-Linja Gwida BĊE/2021/14 dwar tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar data bankarja kkonsolidata; Linja Gwida BĊE/2021/15 dwar tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar il-ħruġ ta’ titoli. L-eżerċizzju tar-riformulazzjoni u l-qsim wassal għal xi tibdil fis-sustanza kif imqabbel mal-Linja Gwida MFS. B’mod partikolari, il-Linja Gwida BĊE/2021/11 tqis l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/379 dwar l-entrati tal-karta bilanċjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2021/2) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv ta’ Ġunju 2020 biex testendi l-ambitu tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li għalihom tiġi trażmessa informazzjoni tal-karta tal-bilanċ individwali lill-BĊE. Barra minn hekk, il-Linja Gwida BĊE/2021/13 tintroduċi bidliet li jirriflettu l-emendi inklużi fir-Regolament (UE) 2020/2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1409/2013 dwar l-istatistika tal-ħlas (BĊE/2020/59). Il-ħames Linji Gwida l-ġodda se japplikaw mill-1 ta’ Frar 2022 u l-Linja Gwida MFS se titħassar mil-Linja Gwida BĊE/2021/16 fl-istess ħin għal raġunijiet ta’ ċertezza legali. L-atti legali l-ġodda dalwaqt se jkunu disponibbli fuq EUR-Lex.

Rapport tal-kwalità tad-dejta statistika dwar kontijiet finanzjarji trimestrali 2020

Fit-12 ta’ April 2021 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ kwalità tal-2020 fuq iż-żona tal-euro u l-kontijiet finanzjarji trimestrali nazzjonali u ħa nota li għal quddiem ir-rapport se jkun prodott kull sentejn, bl-edizzjoni li jmiss tiġi rilaxxata fir-rebbiegħa tal-2023. Ir-rapport ma jdumx ma jidher fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Rapport tal-proġett finali fuq ir-rieżami speċifiku tal-mudelli interni

Fit-30 ta’ Marzu 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika r-rapport finali tal-proġett fuq ir-Rieżami Speċifiku tal-Mudelli Interni (TRIM) u l-pubblikazzjoni tiegħu. TRIM kien proġett ta’ ħafna snin imniedi mill-BĊE fil-bidu tal-2016 f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs) ta’ pajjiżi li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). TRIM kellu l-għan li jivvaluta jekk il-mudelli interni tal-Pilastru I użati minn istituzzjonijiet sinifikanti (SIs) suġġetti għal superviżjoni bankarja Ewropea humiex xierqa fid-dawl tar-rekwiżiti regolatorji applikabbli u jekk ir-riżultati tagħhom humiex affidabbli u komparabbli. Barra minn hekk, TRIM kellu l-għan li jarmonizza l-prattiki superviżorji relatati mal-mudelli interni fi ħdan l-MSU. Ir-rapport u l-istqarrija għall-istampa relatata huma disponibbli fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja